Erba’ festivals tal-mużika li kienu se jattiraw eluf ta’ barranin lejn pajjiżna ġew kanċellati fost tħassib dwar iż-żieda ta’ każi ta’ coronavirus.
Jidher li l-avvenimenti tal-mużika mhux se jkunu qed jiżvolġu wara li ntlaħaq ftehim bejn l-organizzaturi, il-Gvern u l-awtorità tat-turiżmu.
L-erba’ avvenimenti ppjanati huma BPM Festival Malta, Escape 2 The Island, Mi Casa Festival, u Rhythm and Waves Festival. Ilkoll kienu se jsiru bejn ix-xhur ta’ Awwissu u Settembru.
Ilbieraħ il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar restrizzjonijiet ġodda dwar l-attendenza massima f’attivitajiet tal-massa wara żieda fil-każi ta’ Covid-19 li kienu reġistrati matul dawn l-aħħar jiem. Il-biċċa l-kbira tal-każi huma relatati ma’ party u festa.