“Studji juri li tfal bl-awtiżmu huma f’riskju akbar ta’ għarqiet aċċidentali. Dan minħabba li l-kundizzjoni ma tippermettix li jagħmlu distinzjoni bejn dak li hu ta’ periklu jew le. Għalhekk f’dan il-Budget se naraw li jitnieda proġett pilota li jipprovdi taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma għat-tfal bl-awtiżmu. Dan biex il-ġenituri u caregivers tagħhom mhux biss inaqqsu mir-riskju ta’ għarqa aċċidentali iżda noħolqu għarfien għal tali ċirkostanzi.”
Qalet dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji għall-Ministeru tagħha fejn ħabbret li l-allokazzjoni totali għall-benefiċċju tas-settur tad-diżabilità se tkun ta’ €68.9 miljun, żieda ta’ €9.3 miljun fuq is-sena kurrenti.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Farrugia ħabbret li dan il-gvern se jiftaħ sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet għal dawk il-vittmi li sofrew xi diżabilità kaġun tat-teħid tal-pillola Thalidomide mill-omm waqt it-tqala.
Hija spjegat li fl-aħħar sentejn, 29 persuna bbenefikaw minn kumpens wara li għaddew minn proċess t’evalwazzjoni medika li saret minn professjonisti indipendenti. Il-pagament ta’ dawn il-benefiċjarji qed jitqassam fuq bażi ta’ tliet snin, bit-tielet pagament mistenni li jgħaddi s-sena d-dieħla, li se tibda ftit tal-ġimgħat oħra.
Kien hawn fejn ħabbret li għal darb’oħra, il-Kabinett tal-Ministri reġa’ approva li vittmi li ma kinux applikaw fl-ewwel sejħa se jingħataw ċans ieħor sabiex jagħmlu dan.
Se jiftaħ ċentru ġdid ta’ respite f’Ħad-Dingli mmirat għaż-żgħażagħ u minuri b’diżabilità
Il-Ministru Farrugia semmiet kif matul is-sena d-dieħla se jkunu qed isiru diversi proġetti. Qalet li jinsabu fl-istadju finali biex fl-2026 jilħqu mira oħra elettorali u jiftħu l-binja f’Ħal Kirkop li minnha se jiġu provduti servizzi ta’ respite.
Fl-2026 se jkun qed jinfetaħ ukoll ċentru ġdid ta’ respite f’Ħad-Dingli mmirat għaż-żgħażagħ u minuri b’diżabilità. Barra minn hekk, bdiet ħdma fuq żewġ ċentri oħra ġodda, wieħed ta’ matul il-jum u ieħor ta’ filgħaxija.
Il-Ministru Farrugia qalet li l-Gvern se jkun qed isaħħaħ ukoll b’mod sinifikanti l-Empowerment Scheme permezz ta’ proġett pilota għal servizzi ta’ trasport aktar aċċessibbli. Dan is-servizz se jkun qed jiġi estiż ukoll għall-persuni kollha f’Malta f’siġġu tar-roti, inkluż anzjani u persuni b’diżabilità intellettwali li ma jistgħux jużaw trasport pubbliku.
Il-Ministru Farrugia kompliet tispjega kif matul din is-sena, sa nofs Ottubru, l-Aġenzija Sapport proċessat u ħarġet mat-3,876 EU Disability Card. Sal-20 t’Ottubru 2025, l-Aġenzija Sapport irċeviet total ta’ 4,559 applikazzjoni għall-Blue Badge (2,230 għal blue badge ġdida, u 2,329 għal tiġdid).
It-Taqsima tal-Infurzar fi ħdan il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) kompliet bix-xogħol tagħha sabiex tiġġieled u tipprevjeni l-abbuż mill-blue badge. Fil-fatt, matul l-2025, il-Kummissjoni permezz tal-Uffiċjali tagħha tal-infurzar, ġabret 608 Blue Badges li jew kienu ta’ persuni li mietu jew inkella li skadew.
Bara minn hekk, it-Taqsima għamlet fiċ-ċert li r-rekords ta’ Blue Badges mhux irritornati jkunu msaħħa billi rat li jsiru rapporti mal-pulizija jew affidavits fejn wieħed jiddikjara li tilef il-Blue Badge jew ma jafx fejn qiegħda. Dan l-aktar f’każijiet fejn il-pussessur ikun miet.
Matul l-2025, din it-taqsima kkollaborat ma’ Transport Malta billi investigat u rrapportat 25 każ fejn parkeġġ personalizzat jidher li seta’ jitneħħa. Investigat ukoll 173 każ li daħlulna matul din is-sena ta’ allegat abbuż ta’ Blue Badge u rnexxielha tiġbor 62 Blue Badge falza (33 minnhom mill-Isptar Mater Dei).
402 ilmenti ġodda quddiem is-CRPD din is-sena
Matul din is-sena, il-Kummissjoni kompliet fil-ħidma tagħha biex tħares id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. Sat-13 ta’ Novembru li għadda, waslulha 402 ilmenti ġodda, bil-maġġoranza l-kbira ta’ dawn l-ilmenti (281) ikunu dwar nuqqas ta’ aċċessibilità.
Fost ilmenti oħra li tirċievi l-Kummissjoni hemm dawk relatati ma’ drittijiet (2), edukazzjoni (53), xogħol (22), għoti ta’ oġġetti u servizzi (27), saħħa (8) u djar (9).
Minn dawn l-ilmenti, instab li 74 minnhom ma kienx hemm diskriminazzjoni, filwaqt li ġew magħluqa 243 ilment, b’116 minnhom jingħalqu għas-sodisfazzjon tal-ilmentatur.
Il-Ministru Farrugia tkellmet ukoll dwar l-għajnuna li qed tingħata lil ġenituri ta’ tfal b’diżabilità fuq spejjeż ta’ terapiji speċjalizzati u anke dwar ir-riforma tal-Assistenza Personali.
Hija qalet li din is-sena diġà kien hemm 567 persuna li bbenefikat mill-assistent personali – fejn ingħataw €3.5 miljun lil dawn il-persuni b’diżabilità. Din hi żieda ta’ 104 persuni fuq is-sena li għaddiet.
Hija nnotat ukoll kif filwaqt li fl-2012 kien hemm 1,699 persuna b’diżabilità li kellha impjieg, illum għandna rekord ta’ 5,649 persuna b’diżabiltà li taħdem.
Se titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għall-Volontarjat 2025-2030
Dwar il-volontarjat, il-Ministru Farrugia qalet li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern ħa passi konkreti biex jissaħħaħ dan is-settur. Qalet li din is-sena fetħu 85 għaqda volontarja ġdida. Dan filwaqt li fil-jiem li ġejjin se titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għall-Volontarjat 2025-2030.
Din l-istrateġija tiffoka fuq erba’ pilastri ewlenin:
- Bini ta’ kapaċità permezz ta’ taħriġ u riżorsi għall-għaqdiet;
- Kollaborazzjoni inter-settorjali biex jissaħħu s-sinerġiji bejn l-għaqdiet u l-partijiet interessati;
- Parteċipazzjoni ċivika li tinkoraġġixxi l-involviment ta’ kull ċittadin;
- Vuċi u viżibilità tas-settur, biex il-kontribut tal-voluntiera jkun rikonoxxut u apprezzat.
Barra minn hekk, il-Ministru Farrugia tenniet li l-għaqdiet volontarji komplew jiġu inċentivati permezz ta’ diversi skemi finanzjarji. “F’ħames snin diġà qassamna €7.3 miljun lill-għaqdiet volontarji. U dawn mingħajr ma ngħodd skemi li jinħarġu minn Ministeri differenti.”
Min-naħa tagħha, id-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea qalet li kull wieħed u waħda minna jġorr ir-responsabbiltà li jagħti l-kontribut tiegħu sabiex kull persuna jkollha l-istess aċċess għal kull opportunità u li ebda persuna ma tiġi mċaħħda minn dan l-aċċess sempliċiment minħabba d-diżabilità tagħha.
Hija qalet li l-Budget ta’ din is-sena juri r-rikonoxximent ta’ dan is-settur permezz ta’ fondi ddedikati għall-inklużjoni. “Iżda ejja nkunu ċari l-flus waħedhom mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b’diżabilità f’pajjiżna.”
Galea tenniet li l-vera sfida mhix kemm allokajna iżda kif qed nużaw dawk il-fondi biex tassew inbiddlu l-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom.

