Saturday, November 2, 2024

Se jitwaħħlu 130 charging pillar għall-pubbliku b’investiment ta’ miljun ewro

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin  se jkunu qed jitwaħħlu 130 charging pillar ġdid madwar Malta, b’taħlita ta’ ‘medium-fast’ u ‘fast-charging pillars’ għall-pubbliku, dan b’investiment ta’ madwar miljun ewro, ko-finanzjati minn fondi Ewropej.

Dan huwa proġett biex jiġu estiżi n-numru ta’ charging pillars li diġà jeżistu madwar Malta u Għawdex, u flimkien ma’ miżuri oħra, se jkun qed jibni fuq l-inizjattiva ta’ rata speċjali applikabbli għal djar residenzjali biex individwi jiċċarġjaw il-batterija tal-vettura matul il-lejl.

“Il-gvern qed ikompli l-impenn tiegħu biex iktar ma jiddaħħlu karozzi elettriċi, iktar isibu fejn jiċċarġjaw”, żied jgħid il-ministru. “Din l-inizjattiva hija kumplimentari ma’ proġett pilota, fejn bħalissa, 300 karozza qed jiġu ċċarġjati matul il-lejl, off-peak, bejn nofsillejl u s-6.00a.m. Eventwament, bid-dħul ta’ aktar karozzi elettriċi, il-gvern se jkun qed iħeġġeġ lill-privat, kif ukoll jieħu l-inizjattiva hu, biex ikun hawn iżjed charging pillars madwar il-pajjiż.”

Il-ministru qal li Malta qed taħdem fuq mudell ekonomiku sostenibbli fejn wieħed mill-pilastri se jkun dak li pajjiżna jkun newtrali mill-karbonju sas-sena 2050. Dan jifforma parti mill-Green Deal tal-Unjoni Ewropea. Huwa żied jgħid li inizjattivi bħal din tal-lum se jgħinu biex Malta tilħaq il-miri internazzjonali tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 u n-newtralità mill-karbonju fl-2050.

Il-Ministru Farrugia temm jgħid li inizjattivi bħal dawn se jfissru wkoll pass ieħor biex Malta ttejjeb il-kwalità tal-arja, u eventwalment, il-kwalità tal-ħajja li jgħixu ċ-ċittadini tagħha.

Sport