Friday, November 15, 2024

Se jiżdiedu l-pieni bħala parti minn pjan biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq

Aqra wkoll

“Is-sigurtà fit-toroq hi fuq quddiem nett tal-aġenda tal-Gvern u jeħtieġ li nimxu lejn il-mira ta’ Vision Zero: strateġija biex jiġu eliminati l-imwiet kollha tat-traffiku u l-korrimenti gravi, filwaqt li tiżdied il-mobilità sigura, b’saħħitha u ekwa għal kulħadd.” Iddikjara dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt li ħabbar pjan komprensiv għas-sigurtà fit-toroq b’miżuri li se jibdew jitwettqu fis-sena 2023.

Il-pjan jinkludi numru ta’ miżuri tanġibbli fejn fost oħrajn; 

  • Se tiġġedded l-istrateġija għas-Sigurtà fit-Toroq, bl-għan li tirrifletti r-realtajiet ta’ pajjiżna sal-2030.
  • Se titwaqqaf kummisjoni li tinvestiga s-sigurtà fit-toroq: Transport Safety Investigations Commission. Dwar din, se tiġi ppubblikata white paper għall-konsultazzjoni pubblika.
  • Tisħiħ fl-irwol tal-Kunsill għas-Sigurtà fit-toroq bħala konsulent tal-Gvern. L-istruttura u l-irwol ta’ dan il-Kunsill mistennija jsiru parti mill-liġijiet ta’ Malta.
  • Aktar infurzar u pieni eħrex. 
  • Bidla fil-kultura relatata mas-sigurtà, minn eta bikrija, b’ħidma mal-istituzzjonijiet edukattivi.  
  • Kampanji ta’ tagħlim u informazzjoni matul is-sena kollha. 

“Kulħadd għandu rwol u responsabbiltà biex nilħqu dawn il-miri, fosthom il-Gvern, l-awtoritajiet, sewwieqa u dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna. Ilkoll flimkien irridu niżguraw li t-toroq jkunu siguri. Għalija, l-imwiet u l-vittmi ta’ inċidenti fit-toroq mhumiex numri, iżda persuni b’familji warajhom”, kompla jgħid Farrugia.

Il-Ministru qal ukoll li filwaqt li l-edukazzjoni, it-tagħlim u kampanji ta’ informazzjoni se jiżdiedu u jissaħħu, għaddejja ħidma biex fil-ġimgħat li ġejjin jiġu riveduti l-multi u l-punti abbinati magħhom.

Ekonomija

Sport