Fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif bis-saħħa ta’ qagħda finanzjarja u ekonomija li qed trendi, pajjiżna se jerġa’ jkollu Budget ieħor msejjes fuq inizjattivi li jħarsu fit-tul u li jkattru suċċess ekonomiku sostenibbli.
Il-Prim Ministru nnota kif filwaqt li se jkomplu jiġu indirizzati l-isfidi li jġib miegħu suċċess ekonomiku, il-Gvern se jibqa’ kommess li jħejji lil pajjiżna għall-futur. Huwa saħaq kif l-ekonomija ta’ pajjiżna qed kull ma jmur tiġbed aktar investiment ta’ kwalità bbażata fuq il-valur miżjud. “Pajjiżna qed jattira investiment f’setturi ekonomiċi ġodda imsejsa fuq l-innovazzjoni, d-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà,” sostna Dr Abela hekk kif elenka numru t’industriji li kull ma jmur qed ikomplu jinvestu f’pajjiżna. Huwa tenna li fl-istess waqt setturi tradizzjonali bħal dak tas-servizzi finanzjarji u t-turiżmu qed ikomplu jirreġistraw tkabbir.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza li pajjiżna jibqa’ wieħed attraenti għall-investiment dirett barrani, filwaqt li rrimarka li anke hawnhekk, matul snin riċenti, ġie rreġistrat tkabbir sostanzjali u saħansitra ġew irduppjati l-karrieri li nħolqu minn dan l-istess investiment barrani.
“Bħalma dejjem għamilna, se nkomplu nkunu ta’ tarka għall-intrapriżi, se nkomplu ntejbu l-assistenza minn entitajiet pubbliċi bħall-Malta Enterprise, u oħrajn. Dan filwaqt li nkomplu nkunu assertivi fuq il-bżonnijiet u l-isfidi uniċi li bħala gżira għandna anke fuq livell Ewropew sabiex naraw li l-intrapriżi tagħna u minn jinvesti f’pajjiżna ma jkunx kompetittivament żvantaġġat. Li jkollna level playing field huwa essenzjali,” tenna il-Prim Ministru.
Filwaqt li rringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ għall-koperazzjoni u l-kontribuzzjoni tagħhom fuq diversi konsultazzjonijiet pubbliċi, fosthom anke dik tal-Viżjoni Malta 2050, huwa nnota kif it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tagħna huwa wkoll konformi mal-Viżjoni Malta 2050.
Waqt din il-laqgħa kien hemm preżenti ukoll, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Silvio Schembri, Clint Camilleri, Byron Camilleri, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Jonathan Attard u Chris Bonett, flimkien mal-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.