Thursday, July 11, 2024

Se jkun imġedded il-masterplan dwar Pjazza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex

Aqra wkoll

Waqt id-dibattitu fil-Parlament dwar l-Estimi Finanzjarji tal-Awtorità tal-Artijiet, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar li se jkun imġedded il-Masterplan dwar Pjazza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex bil-għan li jinstab bilanċ adegwat bejn l-interessi tal-pubbliku u dawk li joperaw f’din il-pjazza. 

Se ssir diskussjoni wiesgħa mal-entitajiet kollha involuti taħt l-awspiċju tal-Awtoritàa Maltija tat-Turizmu biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet f’din il-pjazza billi kulħadd jifhem il-limitazzjonijiet li jeżistu u x’hemm bżonn isir biex jinstab il-bilanċ adegwat. L-istess Awtorità tat-Turiżmu qegħda tikkordina proċess flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet, l-Awtorità tal-Ippjanar, u l-pulizija biex ikunu riżolti sitwazzjonijiet simili mal-pajjiż kollu. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll dwar ir-realtajiet li jeżistu marbuta mal-fidi taċ-ċnus. Huwa qal li l-Ministeru tal-Artijiet flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet qed jara x’għandu jsir biex ikun indirizzat id-dewmien fil-proċessi għall-fidi taċ-ċnus ta’ propjetajiet tal-gvern, partikolarment dawk ġejjin mill-Joint Office għax kienu artijiet tal-Knisja. 

Huwa qal li sal-lum ġew irreġistrati madwar 60% tal-proprjetajiet tal-Knisja li għaddew għand il-Gvern u appella lill-professjonisti involuti, partikolarment dawk ġejjin mill-Kunsill Notarili u mill-Kamra tal-Periti li skont il-Ministru għandhom rwol kruċjali fix-xogħol li jrid isir biex jissaħħu dawn il-proċessi u jkunu indirizzati l-problemi tad-dewmien.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll dwar l-impenn li għandu l-gvern biex ikun aktar sensittiv dwar kif art li hija żviluppabbli, jsir l-aqwa użu minnha. Huwa semma bħala eżempji l-artijiet li setgħu ġew żviluppati u minflok għaddew għand Project Green biex isiru proġetti ta’ spazji miftuħa. Semma wkoll l-eżempju tal-art żviluppabbli f’Tal-Bebbux fiż-Żurrieq fejn il-Gvern iddikjara li l-art li hija tiegħu mhux ser tingħata għall-iżvilupp ħlief jekk mhux xi proġett għall-Kommunita li jkun maqbul mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu l-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela meta f’Jannar li għadda ddeċieda li jkollna Ministeru iffukat fuq il-qasam tal-artijiet bl-Awtorità tal-Artijiet, ir-Reġistru tal-Artijiet u l-Joint Office miġbura fl-istess Ministeru. 

Huwa qal li jinsab għaddej proċess ta’ review fuq livell leġislattiv u fuq livell amministrattiv biex jissaħħaħ l-operat tal-Awtorità tal-Artijiet, operat li huwa mifrux ħafna. Semma d-diversi skemi li qed tamministra l-Awtorità u kif id-diġitalizzazzjoni qiegħda tgħin biex ħafna proċessi jitħaffu. 

Huwa semma l-kollaborazzjoni tal-Awtorità tal-Artijiet mal-Kunsilli Lokali u diversi NGOs u kif artijiet jew propjetajiet tal-Gvern qed jgħaddu għand dawn l-organizzazzjonijiet biex jagħmlu l-aqwa użu minnhom. Semma bħala eżempju d-devoluzzjoni ta’ artijiet jew propjetajiet lill-Kunsilli Lokali tan-Naxxar, il-Kalkra u Birkirkara, l-artijiet li ngħataw biex isiru ċ-Ċentri Civiċi lill-Kunsilli ta’ San Pawl il-Baħar u Birżebbuġa, u l-binja li ngħatat lill-Għaqda Nazzjonali tal-Każini tal-Banda biex issaħħaħ il-ħidma tagħha.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport