Wara ġimgħat ta’ emozzjoni, talent u mumenti li żgur ma jintesewx, Eliza Borg, tfajla ta’ 12-il sena, rebħet it-tieni edizzjoni ta’ The Voice Kids Malta u se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest 2025 f’Tbilisi, il-Georgia, fit-13 ta’ Diċembru. Dan hu mument storiku għal Eliza, li b’vuċi sħiħa ta’ emozzjoni u personalità umli, irnexxielha tmiss il-qlub tal-ġurija, tal-kowċis tagħha u tal-pubbliku Malti. Dan il-ġurnal tkellem magħha wara din ir-rebħa kbira li kisbet.
Eliza tiftakar b’tbissima l-ewwel passi tagħha fil-mużika. “Il-mużika kienet parti minni minn dejjem,” tgħid. “Bdejt nitgħallem il-kant ma’ Maria Abdilla, u mbagħad komplejt nitgħallem ħafna aktar meta daħlet f’ħajti Destiny Chukunyere.”
Destiny, li hija wkoll rebbieħa tal-Junior Eurovision fl-2015, kellha impatt qawwi fuq Eliza, kemm bħala kowċ kif ukoll bħala ispirazzjoni personali.
“Destiny kienet ta’ sapport kbir. Kieku ma kinitx hi, ma kontx nasal sal-finali. Dejjem emmnet fija u tatni l-kuraġġ biex nemmen fija nnifsi,” tgħid Eliza b’ton sinċier. Din ir-relazzjoni bejn kowċ u student ma kinitx biss ta’ taħriġ vokali, iżda wkoll ta’ tkabbir personali.
Minkejja ċ-ċerta paċi u kunfidenza li turi fuq il-palk, Eliza tgħid li l-vjaġġ tagħha ma kienx faċli. “Kont inbati ħafna bl-ansjetà,” tirrakkonta. “Imma l-mużika għenitni u għadha tgħinni. Meta nkun qed inkanta, inħossni ħielsa. Il-mużika hija terapija għalija.”
Din l-onestà u vulnerabbiltà jagħmluha tfajla li ħafna żgħażagħ jistgħu jidentifikaw ruħhom magħha. Hija tirrakkonta kif ħafna drabi kienet tirċievi kummenti pożittivi wara l-eżibizzjonijiet tagħha, iżda xorta waħda ssibha diffiċli biex temmen li tassew qed jirrikonoxxu t-talent tagħha. “Meta smajt li rbaħt, ma stajtx nemmen. Għadni s’issa b’mod, ma fhimtx x’ġara eżatt,” tgħid bi tbissima mistħija.
It-tieni staġun ta’ The Voice Kids Malta ġab miegħu livell għoli ta’ talent u emozzjonijiet. Sitt finalisti kienu qed jikkompetu fil-finali: Eliza Borg, Mia Lanzon, Rachele Maria Nistica, Marie Emeh Camilleri, Carly Cachia Arpa u Oliver Zammit Attard.
Fl-ewwel rawnd, kull kowċjiġifieri Gianluca Bezzina, Destiny Chukunyere u Sarah Bonnici – għażel artist wieħed minn kull tim biex javvanza għas-superfinali. Eliza rnexxielha tgħaddi mill-ewwel b’interpretazzjoni emozzjonanti li laqtet lill-ġurija u lill-pubbliku.
Fit-tieni fażi, il-finalisti li baqgħu jagħmlu dwett mal-kowċ tagħhom u ppreżentaw ukoll il-kanzunetta li potenzjalment setgħet tintgħażel għall-Eurovision. Il-pubbliku kellu l-aħħar kelma bil-votazzjoni, u kien ċar li Eliza kienet l-għażla tal-Maltin.
“Dak il-mument ma ninsih qatt. Rajt lil Destiny tgħajjat u tgħannaqni. Ħassejtni grata ħafna. Kienet ħolma li saret realtà,” tgħid Eliza.
Malta għandha storja sabiħa fil-Junior Eurovision Song Contest. L-ewwel parteċipazzjoni kienet fl-2003, u f’dawn is-snin, il-pajjiż rebaħ it-trofew darbtejn: fl-2013 permezz ta’ Gaia Cauchi bil-kanzunetta The Start u fl-2015 permezz ta’ Destiny Chukunyere bil-kanzunetta Not My Soul.
Is-sena li għaddiet, Ramires Sciberras kien irrappreżenta lil Malta bil-kanzunetta Stilla Ċkejkna, u spiċċa fil-ħames post b’153 punt, riżultat ta’ prestiġju li wera kemm Malta tibqa’ pajjiż rispettat fil-kompetizzjoni.
Issa, b’Eliza Borg fuq il-palk, hemm sens ta’ tama ġdida u enerġija friska. Il-pubbliku diġà qed juri entużjażmu kbir għall-vjaġġ tagħha lejn Tbilisi.
Għalkemm id-dettalji tal-kanzunetta li se tinterpreta Eliza għadhom ma ġewx imħabbra, is-sensazzjoni u l-eċitament huma kbar. Hija tgħid li tinsab “ferħana ħafna” li se tirrappreżenta lil Malta fuq livell internazzjonali.
“Se mmur il-Georgia f’Diċembru u nirrappreżenta lil pajjiżi. Inħoss li hija responsabbiltà kbira imma wkoll unur kbir. Se nagħmel l-almu tiegħi biex nagħmel lill-Maltin kburin bija,” tgħid b’għajnejha jixegħlu.
Eliza se tkun qed tivvjaġġa flimkien ma’ delegazzjoni Maltija li tinkludi lill-kowċ Destiny u tim professjonali li se jassisti fil-preparazzjoni, kemm vokali kif ukoll artistika.
Meta mistoqsija jekk tħossx li l-Eurovision jista’ jkun biss il-bidu, Eliza titbissem u tgħid:
“Nixtieq inkompli fil-mużika, iżda mhux biss bħala kantanta. Nixtieq nitgħallem aktar, inkompli l-iskola u nkompli nikber bħala artista.”
Dwar il-futur, ma taħbix li xi darba tixtieq tipparteċipa wkoll fil-Malta Eurovision Song Contest għall-kbar. “Iva, nixtieq nipprova. Kull esperjenza tgħallimni u kull pass hu importanti,” tgħid b’ ħeġġa.
Imbagħad tħalli messaġġ għal dawk il-bniet u t-tfal li jixtiequ jkantaw bħaliha:
“L-aktar ħaġa importanti hi li temmen fik innifsek. Xi drabi jien stess ma nemminx biżżejjed fija, imma kull darba li nitla’ fuq il-palk, niftakar għaliex bdejt. Trid tħobb dak li tagħmel u qatt ma taqta’ qalbek.”
Il-parteċipazzjoni ta’ Eliza Borg fil-Junior Eurovision mhijiex biss suċċess personali tagħha, imma wkoll rifless tal-potenzjal enormi tat-tfal Maltin. Il-produzzjoni ta’ The Voice Kids Malta wriet kemm hemm talent lokali li jistħoqqlu attenzjoni, u Eliza hija l-eżempju perfett ta’ kif id-determinazzjoni, l-appoġġ tal-familja u l-kowċis, u l-imħabba lejn il-mużika jistgħu jwasslu għall-ħolma.
Fi tmiem l-intervista, Eliza qalet li: “Ninsab grata ħafna għal kulħadd, il-familja tiegħi, il-kowċ tiegħi Destiny, u l-pubbliku li vvota għalija. Din ir-rebħa mhix tiegħi biss, imma ta’ kulħadd li emmnu fija.”
Issa l-għajnejn kollha huma fuqha hekk kif Malta terġa’ tħoss dak l-eċitament li dejjem iġib miegħu l-Junior Eurovision. U jekk hemm ħaġa waħda ċerta, hija li Eliza Borg mhux biss ser tħalli l-marka tagħha fuq il-palk ta’ Tbilisi imma se twassal messaġġ ta’ kuraġġ, passjoni u mħabba lejn il-mużika li diġà qed tispira lil ħafna tfal Maltin.