Sunday, December 29, 2024

Se nagħmel minn kollox biex nara lil Marsaxlokk aktar ‘il fuq fil-klassifika – Enzo Potenza

Aqra wkoll

minn Cristian Muscat

Ftit tal-jiem ilu Marsaxlokk FC ħabbru li l-kowċ Taljan Vincenzo Potenza se jkun qed imexxihom għall-kumplament tal-istaġun sabiex se jkun qed jieħu post Winston Muscat.

Wara li mexxa lil Puteolana. Arzanese, Albanova u Turris fl-Italja, Potenza ġie Malta fl-2018 fejn mexxa lil Senglea Athletic u rnexxielu jagħmel miraklu hekk kif salva lit-tim mir-relegazzjoni. Aktar tard hu ngħaqad ma’ Floriana fejn saħansitra rebaħ il-kampjonat Premier Malti.

Potenza beda l-istaġun 2021/22 ma’ Marsa fiċ-Challenge League u f’Novembru 2022 ngħaqad ma’ Santa Lucia tant li magħhom wassalhom sabiex iżommu posthom fl-ogħla kampjonat Malti. F’Ottubru li għadda hu ngħaqad ma’ Valletta għalkemm fi Frar 2024 irriżenja mill-kariga.

B’hekk issa tibda avventura ġdida għal dan il-kowċ minn Napli li jdawwar ix-xorti tax-Xlukkajri li wara ħames partiti tat-360 Sports Malta Premier għadhom mingħajr punti b’ħames telfiet.

Dan is-sit ħa l-ewwel kummenti ta’ Potenza wara din il-ħatra tiegħu.

“L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lil Winston Muscat tax-xogħol kbir li wettaq ma’ dan it-tim. Hekk kif illum għamilt l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ, sibt tim ippreparat tattikament u teknikament. Dan kollu hu mertu tiegħu.”

Mistoqsi dwar din l-isfida li għandu li jtella’ lix-Xlukkajri aktar ‘il fuq fil-klassifika, Potenza qal li mdorri b’din is-sitwazzjoni tul il-karriera tiegħu u jilqa’ din l-isfida b’kuraġġ kbir.

“Hemm sfida kbira li jien lest għaliha u li se nwettaqha bl-aktar responsabbilta’ possibbli. Fil-jiem li ġejjin se nipprova ndaħħal il-filosofija tiegħi sabiex nibdew naraw lil Marsaxlokk jirbħu l-partiti tagħhom.”

Mistoqsi dwar il-livell tal-futbol Malti, Potenza qal li issa ilu sitt snin Malta u jemmen li dan it-tip ta’ sport jista’ jitjieb iktar.

“Nemmen li l-futbol jista’ jkun aħjar f’Malta. Il-livell jista’ jiżdied dejjem jekk ikun hemm strutturi iktar organizzati u klabbs aktar professjonali. Jonqos dak il-pass sabiex dan il-futbol jogħla u anke bħala tim nazzjonali jistgħu jagħmlu aħjar.”

Saqsejnih dwar l-impenji li jmisshom Marsaxlokk li qabel il-waqfa internazzjonali se jaffaċċjaw lil Balzan u Żabbar St Patrick sabiex aktar tard jaffrontaw lil Floriana, Naxxar Lions u Ħamrun Spartans.

“Wieħed irid jara issa r-reazzjoni tal-plejers wara dawn il-ħames telfiet konsekuttivi. Sadanittant jien kont qed insegwi fuq it-televiżjoni xi logħbiet tagħhom mill-Italja u naf li dawn il-plejers iridu jemmnu aktar fil-potenzjal tagħhom infushom.”

“Jekk nitkellem dwar l-impenji li jmissna bħala Marsaxlokk FC, naf li Balzan għandhom tim tajjeb ħafna b’kowċ Ingliż li għandu viżjoni tattika aggressiva filwaqt li Żabbar St Patrick ukoll qed ikollhom kampjonat tajjeb fejn wara li tilfu xi logħbiet b’mod sfortunat, rebħu xi punti f’dawn l-aħħar żewġ partiti u għalhekk ukoll hemmhekk irridu noqogħdu attenti.”

“Fl-aħħar mill-aħħar jien se nagħmel minn kollox biex nara lil Marsaxlokk aktar ‘il fuq fil-klassifika.”

Ekonomija

Sport