Monday, July 7, 2025

“Se nagħmel minn kollox biex ngħolli isem Malta ‘l fuq”

– Julia Ann Cluett – Rebbieħa Konkors Miss Universe Malta 2025

Aqra wkoll

F’lejla mimlija emozzjoni u eleganza f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan , Julia Ann Cluett ġiet inkurunata bħala Miss Universe Malta 2025. Rebbieħa ta’ qalb u spirtu, Julia rrappreżentat b’dinjità lil Floriana, lokalità li għandha tifsira personali u storika għaliha, mhux biss bħala post, imma bħala parti mill-wirt tal-familja tagħha, b’rikonoxximent speċjali lejn missierha, David Cluett, li għadda l-għeruq tiegħu fil-lokalità b’mod profond. 

Kif forsi wieħed jista’ jinduna, dan il-kunjom hu magħruf sew fil-qasam tal-futbol hekk kif missierha kien jilbes il-flokk tal-Greens fis-snin 80 u 90 bħala goalkeeper.

Dan il-ġurnal ħa l-ewwel kummenti ta’ Julie Ann Cluett, ftit minuti wara li ġiet mogħtija l-kuruna bħala Miss Universe 2025.

Ritratt: Diego Micallef Photography

“Onestament, veru kuntenta… lanqas nista’ nispjega kif qed inħossni bħalissa,” qalet Julia ftit wara li rebħet il-kuruna. B’għajnejha mimlijin dmugħ ta’ ferħ, Julia rringrazzjat lil dawk kollha li emmnu fiha — “grazzi lill-familja tiegħi, il-ħbieb, l-isponsors… grata għal kollox.”

Issa li rebħet il-kuruna, Julia se tibda tħejjija għal pass ieħor importanti: tirrappreżenta lil Malta fil-74 edizzjoni ta’ Miss Universe, li se ssir f’Novembru, fit-Tajlandja. Din hija sfida mhux biss ta’ stil u preżenza, imma wkoll ta’ identità u impenn.

“Eċitata ħafna! Se nagħmel minn kollox biex ngħolli isem Malta ‘l fuq.” Hekk esprimiet ruħha dwar dak li ġej. Għal Julia, mhux biss se tkun esperjenza unika fuq livell personali, imma wkoll opportunità biex ixxandar il-valuri u l-ġmiel ta’ Malta lil bosta kulturi madwar id-dinja.

Fost l-iktar mumenti sinifikanti tal-intervista tagħha, Julia kellha kliem mill-qalb għaż-żgħażagħ u t-tfal li jaraw f’persuni bħalha mudelli ta’ ispirazzjoni:
“Qatt taqta’ qalbek mill-problemi li jistgħu jinqalgħu. Fuq kollox, meta jiġik iċ-ċans li tibbrilla mur għaliha. Ma tafx x’jista’ jiġri. Aqbad u mur għall-okkażjoni – opportunità titlifhiex.”

Dan il-messaġġ, għalkemm sempliċi fil-kliem, iġorr fih il-qalba ta’ dak li Julia temmen fih: li kull individwu għandu ċ-ċans jikseb dak li jgħożż, jekk jemmen fih u jaħdem għalih.

Wieħed mill-aktar punti profondi tal-preżentazzjoni ta’ Julia qabel ma ħadet sehem kien il-video “Up Close & Personal” li tellgħet bħala parti mill-kompetizzjoni. Fi kliemha stess hi tkellmet dwar is-saħħa mentali, suġġett li ma qagħditx lura milli tiddiskutih.

Julia tkellmet b’mod sinċier u awtentiku fuq dan is-suġġett li ħafna drabi jitqies bħala tabù, imma li jolqot lil tant nies fis-soċjetà, it-tbatija mentali, l-esperjenzi li daqqa tkun ‘l fuq u daqqa ‘l isfel fil-burdata u l-ġlieda biex tqum meta taqa’.

Hi temmen li l-appoġġ professjonali, flimkien ma’ azzjonijiet li jgħinu biex wieħed jesprimi ruħu b’mod kostruttiv, jistgħu verament jgħinu.

Sadanittnat, it-triq ta’ Julia Ann Cluett issa se tgħaddi minn taħriġ intensiv, laqgħat u avvenimenti, kollha bil-għan li tkun l-aħjar verżjoni tagħha nnifisha f’pajjiż ġdid u fuq palk globali. Minkejja l-aspettattivi, hi tidher kburija sew bl-identità tagħha ta’ Maltija u ma’ dak li tfisser il-kuruna mhux biss bħala simbolu ta’ sbuħija imma ta’ impenn.

Julia Ann Cluett ma rebħitx biss kompetizzjoni iżda rebħet il-qlub ta’ dawk li raw fiha mhux biss mudella ta’ sbuħija, imma ta’ tama, kuraġġ u awtentiċità. B’għeruq sodi, b’qalb miftuħa u b’għajnejha fuq il-futur, Julia sejra tagħmel lil Malta kburija fuq livell internazzjonali.

L-74 edizzjoni ta’ Miss Universe se ssir fit Tajlandja, eżattament fl Impact Challenger Hall, li huwa parti mill “Impact, Muang Thong Thani” fil Pak Kret, fil-provinċja ta’ Nonthaburi, qrib Bangkok. Il finali se jsir it 21 ta’ Novembru 2025, b’ġimagħtejn ta’ avvenimenti kulturali Tajlandiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport