Minn Cristian Muscat
Fil-jiem li għaddew, il-Malta Football Association (MFA) ħabbret uffiċjalment li Roberto Menichelli ġie maħtur bħala l-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti tal-futsal. Ismu hu magħruf sew fix-xena internazzjonali ta’ dan l-isport, wara li mexxa lit-tim nazzjonali Taljan bejn l-2009 u l-2018, perjodu li fih l-Italja kisbet l-akbar suċċess tagħha, meta rebħet it-tieni UEFA Futsal Euro fl-2014.
Menichelli, li għandu wkoll esperjenza bħala kowċ tan-nazzjonali femminili Taljana bejn l-2015 u l-2018, kien ukoll plejer ta’ livell għoli. Hu rebaħ żewġ kampjonati tas-Serie A u ħames titli tal-Coppa Italia mat-tim magħruf ta’ Torino, u lagħab 28 darba mat-tim nazzjonali Taljan, fejn skorja darbtejn. Fost l-esperjenzi tiegħu bħala plejer hemm ukoll il-parteċipazzjoni fil-Futsal World Cup tal-1992 li saret f’Hong Kong.
Fil-kummenti tiegħu wara l-ħatra, Menichelli esprima l-apprezzament tiegħu lejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol għall-fiduċja li wriet fih f’intervista li ta lil dan il-ġurnal.
“Din l-esperjenza fil-futsal Malti se tkun waħda importanti għalija. Aċċettajt il-proposta tal-Federazzjoni Maltija b’interess u sodisfazzjon, għax nemmen li l-iżvilupp tal-futsal f’Malta hu wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti għall-futur. Hu propju dan l-aspett li qanqalli l-kurżità biex naċċetta din l-opportunità,” qal il-kowċ Taljan.
Hu żied jgħid li jrid jagħti l-kontribut tiegħu lill-Assoċjazzjoni u lill-moviment tal-futsal f’pajjiżna: “Nixtieq naħdem b’mod professjonali u pass pass biex ngħin lit-tim nazzjonali Malti jkompli jikber u jsir aktar kompetittiv.”
Mistoqsi dwar x’jaf fuq il-futsal lokali, Menichelli ammetta li diġà segwa xi partiti u li jara potenzjal:
“Il-livell tal-futsal Malti qed jitjieb. Naf li taħt il-kowċ Gabriel Dobre sar ħafna xogħol tajjeb u l-plejers għamlu progress. Naturalment, ir-ranking mhuwiex għoli bħal dak ta’ pajjiżi ewlenin, imma l-impenn jidher ċar. Il-fatt li t-timijiet Maltin qed jilħqu ċerti livelli fl-Ewropa hu sinjal pożittiv.”
Huwa semma wkoll lil Luxol St Andrews, champions tal-futsal Malti, bħala eżempju ta’ dan il-progress:
“Rajthom jilagħbu fuq it-televiżjoni fil-UEFA Futsal Champions League u nista’ ngħid li l-partiti kienu diffiċli ħafna. Iżda l-fatt li rnexxielhom jgħaddu għall-fażi Elite juri li hemm serjetà u kwalità. Dan hu importanti għall-iżvilupp ġenerali tal-futsal f’Malta.”
Meta tkellem fuq it-tranżizzjoni mill-karriera ta’ plejer għal dik ta’ kowċ, Menichelli enfasizza li l-irwol ta’ kowċ iġib miegħu sens kbir ta’ responsabbiltà.
“Meta tkun plejer, ix-xogħol jispiċċa meta tispiċċa l-logħba. Meta tkun kowċ, ix-xogħol qatt ma jispiċċa. Trid tippjana, torganizza, taħseb għal kull dettall. Huwa xogħol doppju, imma wkoll sodisfaċenti ħafna. Il-kowċ għandu jkollu l-kapaċità li jittrasmetti dak li jaf lill-plejers, u jagħtihom motivazzjoni kontinwa.”
Wieħed mill-aqwa mumenti fil-karriera tiegħu kien bla dubju meta mexxa lit-tim Taljan lejn ir-rebħ tal-UEFA Futsal Euro fl-2014, f’Antwerp, il-Belġju.
“Dak kien mument li qatt ma ninsa. L-Italja rnexxielha twettaq miraklu sportiv kontra pajjiżi kbar bħal Spanja, ir-Russja u l-Portugall. Dak it-tim kien wieħed straordinarju, bi plejers eċċellenti li emmnu sal-aħħar fil-proġett,” irrakkonta Menichelli.
Hu fakkar ukoll fil-kampjonat Ewropew ta’ Zagreb fejn l-Italja kisbet il-bronż: “Kienu snin sbieħ ħafna għalija bħala kowċ u bħala bniedem.”
Menichelli kellu wkoll esperjenza fil-kowċing tat-tim nazzjonali femminili Taljan, bejn l-2015 u l-2018.
“Il-Federazzjoni Taljana riedet toħloq tim nazzjonali tan-nisa, kont parti minn dan il-proġett sa mill-bidu. Illum hemm kowċ ġdid, Francesco Salvatore, u jien kburi li kont fost dawk li bdew dan il-vjaġġ. Naturalment, hemm differenza bejn li tħarreġ lill-irġiel u lin-nisa mhux minħabba l-logħba nnifisha, imma fil-metodu kif tgħallimhom. Il-logħba hi universali, imma l-approċċ emozzjonali u psikoloġiku hu differenti. In-nisa huma ħafna aktar sensittivi, u għalhekk irid ikun hemm mod ta’ komunikazzjoni differenti.”
Il-kowċ Taljan jemmen li l-futsal għandu rwol edukattiv importanti, speċjalment fost it-tfal.
“Il-futsal mhux biss sport divertenti, imma wkoll għodda ta’ taħriġ għal min jixtieq jitgħallem il-futbol. Bejn il-futsal u l-futbol hemm differenzi kbar għax il-futsal isir fi spazju żgħir, il-futbol fi spazju kbir għalkemm huma żewġ tipi ta’ sport li jikkumplimentaw lil xulxin. Għat-tfal ta’ bejn il-ħames u t-tnax-il sena, il-futsal jista’ jgħinhom jiżviluppaw teknika aħjar u ħila fil-kontroll tal-ballun.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Menichelli xtaq jgħaddi messaġġ lill-ġenerazzjoni żagħżugħa f’Malta: “Il-futsal hu sport mimli enerġija u divertiment. Il-ballun dejjem f’saqajk, il-logħba dinamika u mgħaġġla u tagħtik ħafna sodisfazzjon. Inħeġġeġ liż-żgħażagħ jippruvawh, għax jgħinhom mhux biss biex itejbu l-ħiliet tagħhom, imma wkoll biex jiksbu valuri ta’ dixxiplina, rispett u xogħol f’tim.”
Menichelli se jmexxi lit-tim Malti għall-ewwel darba aktar tard dan ix-xahar, f’żewġ logħbiet internazzjonali ta’ ħbiberija f’Bucharest, ir-Rumanija kontra t-tim lokali fit-8 ta’ Novembru u kontra l-Latvja fl-10 ta’ Novembru.
Bħal dejjem, hu jibqa’ umli iżda determinat: “Se naħdem b’passjoni u professjonalità. Naf li t-triq mhux se tkun faċli, imma nemmen li bil-ħidma u bil-kredibilità, Malta tista’ tkompli tagħmel progress sinjifikanti fil-futsal Ewropew.”

