Minn Cristian Muscat
It-tim mill-BOV Amateur League 1 Victoria Hotspurs FC laqgħu fid-difiża tagħhom wiċċ ġdid li qed iġib miegħu enerġija, determinazzjoni u ambizzjoni kbira. Dan hu l-plejer żagħżugħ ta’ 20 sena, Darryl Vella Gerada. Id-difensur promettenti ngħaqad mal-Hotspurs mingħand Kirkop United, u diġà beda jħalli l-marka tiegħu kemm fil-grawnd kif ukoll fid-dressing room.
F’intervista li kellu ma’ dan is-sit, Darryl tkellem b’mod sinċier dwar l-emozzjonijiet tiegħu meta sar jaf li kien se jingħaqad ma’ wieħed mill-aktar klabbs storiċi tal-futbol Għawdxi.
“Meta sirt naf, l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet waħda ta’ sorpriża,” jistqarr magħna. “Fil-bidu qaluli biex nistenna xi ftit, imma mbagħad kollox seħħ f’daqqa. Għalija kienet opportunità li ma stajtx nirrifjuta. Ridt nieħu dan il-pass biex nitjieb u nkompli nikber bħala plejer.”
Darryl Vella Gerada huwa prodott tal-akkademja ta’ Hamrun Spartans, fejn beda jifforma l-pedamenti tal-karriera tiegħu.
“Dak li tgħallimt ma’ Ħamrun irrid inġibu miegħi u nagħmlu realtà hawnhekk,” jgħid b’ċertezza. “Il-kowċ Oliver Spiteri tani ħafna opportunitajiet diġa’ u ta’ dan ninsab grat lejh. Meta kont ma’ Hamrun Spartans tgħallimt ħafna kemm fuq il-livell tattiku kif ukoll fuq dak mentali. Dejjem ippruvajt nagħti 100% u dan se nibqa’ nagħmlu kull meta nkun se nilgħab kull tip ta’ logħba.”
Il-pożizzjoni naturali tiegħu hija dik ta’ difensur ċentrali, għalkemm jista’ jilgħab ukoll quddiem id-difiża.
“Inħossni komdu fid-difiża, imma xi kultant nilgħab ukoll quddiem il-linja difensiva. L-importanti għalija huwa li nibqa’ nitgħallem. Għandi plejers madwari li huma ta’ esperjenza u li żgur se jgħinuni nikber.”
Barra l-futbol, Darryl għadu qed jistudja, fatt li jagħmel il-pass lejn Għawdex bħala sfida doppja.
“Mhux se jkun faċli minħabba li rrid naqsam il-fliegu kuljum,” jammetti. “It-taħriġ f’Għawdex ifisser impenn akbar u organizzazzjoni, imma jien lest għal din l-isfida. Meta tidħol f’ambjent ġdid trid tkun lest tagħmel sagrifiċċji.”
Mill-ewwel jiem tiegħu ma’ Victoria Hotspurs, impressjonah l-ambjent professjonali tal-klabb.
“Meta tidħol hawnhekk, qisek qiegħed fi klabb professjonali. Il-kumitat jersaq lejk, ikellmek, jgħinek. Tħoss li hemm struttura u appoġġ. Mill-president sal-membru tal-kumitat kollha jafu x’inhuma jagħmlu u mal-ewwel ħassejt li ngħatajt merħba.”
Matul iż-żmien tiegħu ma’ Ħamrun Spartans, Darryl kellu wkoll esperjenza internazzjonali fil-livell taż-żgħażagħ, fejn kien parti minn timijiet tal-minors u anke tħarreġ mal-iskwadra tal-kbar.
“Dik l-esperjenza għenitni ħafna. Meta titħarreġ ma’ plejers aktar esperjenzati titgħallem aktar malajr. Rajt x’hemm bżonn biex tilgħab fil-livell ogħla.”
Intant, Darryl diġà beda jħossu parti mill-familja tal-Hotspurs, u kellu wkoll sehem fil-logħba mis-17-il ġurnata mill-BOV Amateur League 1 li rat lil Victoria Hotspurs jirbħu 1-0 kontra Attard FC. Kienet rebħa kruċjali li tellgħethom ‘il fuq fil-klassifika kif ukoll żewġ punti taħt l-istess Attard.
“Ħdimna ħafna matul il-ġimgħa biex nilħqu l-għan tagħna li nieħdu t-tliet punti u nnaqqsu d-distakk fil-klassifika, xi ħaġa li għamilniha mija fil-mija,” jispjega.
“Il-logħba żviluppat kif xtaq it-tim u dan juri kemm konna ppreparati.”
“Konna dominanti għal ħafna mill-ħin. Fl-aħħar mumenti rnexxielna nsibu l-gowl deċiżiv u niksbu t-tliet punti. Kull partita hija importanti, u għalhekk irridu nibqgħu konsistenti u preparati mentalment u fiżikament.”
Dan ir-riżultat kien sinjal ċar tal-mentalità li l-klabb qed jipprova jibni, waħda bbażata fuq xogħol, dixxiplina u fokus fuq l-objettivi.
Għall-partitarji ta’ Victoria Hotspurs, Darryl għandu messaġġ ċar:
“Se nagħti kollox. Se naħdem ħafna u nagħmel l-almu tiegħi biex ngħin lit-tim jilħaq l-objettivi tiegħu. Naf li l-aspettattivi huma għoljin, imma jien lest nagħmel is-sehem tiegħi biex il-klabb jitla’ fejn jixraqlu.”
Il-ħeġġa tiegħu hija evidenti, u l-għatx għat-titjib huwa ċar f’kull kelma li jgħid.
“Dan huwa biss il-bidu għalija. Irrid inkompli nitgħallem, nieħu kull ċans li jagħtini l-klabb u li joffrili l-kowċ Oliver Spiteri u nikber bħala plejer u bħala persuna.”
Barra minn hekk, il-pass lejn Victoria Hotspurs FC fis-suq tat-trasferimenti f’Jannar li għadda qed joffri lil Darryl opportunità unika biex jesperjenza ambjent kompetittiv ġdid, differenti minn dak li kien imdorri fih ma’ Kirkop United u aktar qabel fl-akkademja ta’ Hamrun Spartans.
Taħt it-tmexxija tal-kowċ Oliver Spiteri, it-tim qed juri determinazzjoni biex jibqa’ jisfida fil-BOV Amateur League 1, b’rebħiet importanti bħal dik kontra Attard FC u anke kontra Qormi li jkomplu jsaħħu l-fiduċja tal-iskwadra. Għal Darryl, dawn l-esperjenzi huma pedament essenzjali biex jibni karriera soda u jkompli jimmatura kemm teknikament kif ukoll mentalment.
F’ambjent li jinkoraġġixxi ż-żgħażagħ u jħares lejn il-futur, Darryl Vella Gerada jidher li sab il-post ideali biex ikompli l-iżvilupp tiegħu.
U jekk il-bidu tiegħu huwa xi indikazzjoni, il-partitarji tal-Hotspurs jistgħu jistennew ħafna aktar mingħandu fix-xhur li ġejjin.



