Wednesday, January 22, 2025

“Se naħdmu biex niffaċilitaw l-esportazzjoni tal-produzzjonijiet lokali” – Carlos Debattista u Lara Azzopardi

Aqra wkoll

Il-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) għadha kemm ħabbret il-ħatra ta’ Carlos Debattista bħala Chair u Lara Azzopardi bħala Co-Chair tal-Kumitat Konsultattiv tal-Films u t-TV. 

Fi stqarrija, il-Kumitat tenna li jħares ’il quddiem biex iwettaq kollaborazzjoni sħiħa ma’ Carlos Debattista u Lara Azzopardi filwaqt li jkomplu jkattru s-settur tal-films li ddeskrivewh bħala wieħed li qed ikompli jevolvi.

Żgur li l-ħidma ta’ Debattista u Azzopardi mistennija tħalli l-marka tagħha fl-industrija tal-ispettaklu u l-films f’Malta.

Fi stqarrija, il-MEIA estendiet ukoll ir-ringrazzjamenti tagħha lil Abigail Mallia u Erica Muscat, li servew bħala Chair u Co-Chair rispettivament, għall-kontribut tagħhom lill-kumitat. 

Stabbilita fl-2020, l-MEIA hija għaqda mhux għall-profitt li tgħin biex tiddefendi d-drittijiet u tħeġġeġ it-tkabbir u l-iżvilupp tal-industrija kreattiva f’Malta. Għall-2025, l-Għaqda qed tiffoka fuq l-indirizzar tal-isfidi ewlenin li jaffaċċjaw l-industriji kreattivi lokali. 

Carlos Debattista hu kofundatur ta’ Take//Two u hu meqjus bħala figura ewlenija fl-industrija tal-films f’Malta sa mill-2006. Hu kellu diversi xogħlijiet lokali bħas-sitcom Deċeduti, id-drammi Gizelle u L-Evanġelisti, kif ukoll il-film Limestone Cowboy. Suċċess ieħor għamlu fid-drama televiżiva tiegħu Merjen kisbet suċċess saħansitra fl-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada. Bħalissa, hu għandu s-sottomissjoni tal-film ċelebri tiegħu Castillo fl-Academy Awards tal-2025. 

Meta dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Debattista, hu qal li jinsab kuntent li se jaħdem ma’ Lara Azzopardi li ddeskriviha bħala bniedma mimlija ideat u li se tgħinu ħafna f’dan ix-xogħol.

“Jien ninsab verament kuntent b’din il-kariga apparti li qed inħares ‘il quddiem lejn xogħol aktar fejjiedi fid-dinja tal-films f’pajjiżna. Ninsab għal qalbi li ngħatajt din l-opportunità u lest noffri t-talenti tiegħi sabiex naraw aktar titjib. Fil-mument qed insibu sapport u għajnuna enormi mill-MEIA anke għax aħna għandna passjoni ġenerali lejn dan is-settur.”

“Ili ngħidha għal żmien twil li għandna l-kwalità u t-talent hawn Malta iżda hemm bżonn li jingħataw aktar opportunitajiet. L-aġenda tagħna hi dik li jkollna iktar films indiġeni f’Malta għalkemm irridu aktar fondi u infrastruttura sabiex il-kwalità tkompli tiżdied.”

Saqsejna lil Carlos Debattista kif qed jara x-xena tal-films fil-mument. Hu qal li għalkemm din hi domanda li jqisha kumplikata, żgur li bħala passjoni hawn ħafna individwi li jaħdmu għal qalbhom iżda forsi mhux qed jitħallsu kif tassew jistħoqqilhom. Minkejja kollox, hu rrikonoxxa li l-affarijiet mexjin ’il quddiem, iktar u iktar għax meta beda hu fis-sena 2006, ir-riżorsi kienu xi ftit limitati. Dan kollu nbidel għax l-industrija llum il-ġurnata qed tiffjorixxi.

“Li nixtieq minn issa ‘l quddiem hu li l-artisti, il-produtturi u dawk kollha li huma Maltin li b’xi mod imissu ma’ dan is-settur ikollhom iktar opportunitajiet. Hemm bżonn jiġu ingaġġati persuni Maltin li naf li għandhom talent u li jistgħu jagħtu kontribut kbir. Opportunitajiet se jkun hemm, ir-rieda hemm qiegħda u issa hemm bżonn aktar fondi u għajnuna biex naraw din l-industrija tal-films u produzzjonijiet indiġeni tieħu aktar.”

Kif għedna, Lara Azzopardi se tkun qed taqsam it-tmexxija ma’ Debattista. Bħala artista, preżentattriċi u persuna involuta fil-media, iġġib magħha aktar minn tletin sena esperjenza.. Minn età żgħira, bdiet taħdem fir-radju u tippreżenta programmi għat-tfal, u minn hemm żviluppat karriera profonda fil-qasam tal-arti u l-midja.

Ħadna wkoll il-kummenti ta’ Lara Azzopardi li weġbitna għall-mistoqsijiet tagħna. “L-ewwelnett għandna l-intenzjoni li nimplimentaw strateġiji biex nippromovu l-iżvilupp professjonali, niffaċilitaw l-esportazzjoni tal-produzzjonijiet lokali, u nenfasizzaw l-identità unika ta’ Malta permezz tal-films.”

“Se nkun qed naħdem spalla ma’ spalla ma’ Carlos Debattista u ninsab mimlija b’entużjażmu kbir għalkemm hi kariga li toffri ħafna sfidi ġodda. Minkejja kollox, is-settur nafu mhux ħażin peress li ili 30 sena naħseb fuq il-mezzi tax-xandir. Rajt il-lat kompetenti u anke dak inkompetenti ta’ dan is-settur għalkemm irrid ngħid li meta bdejna aħna ma tantx kellna taħriġ u għalhekk kellna nitgħallmu kollox bl-esperjenza. Illum hawn aktar għarfien u bla dubju s-settur qed ikompli jevolvi.”

L-għan ta’ Azzopardi, l-istess bħalma qal Debattista hu li tkattar aktar il-produzzjonijiet indiġeni li jagħtu ġieħ lit-talent Malti li kemm hi u kemm hu jemmnu ħafna fih.

Azzopardi qalet li hawn ħafna talent u kapaċi jħabbtu mal-aqwa produzzjonijiet barranin. Hemm bżonn iktar fondi sabiex aktar nies jitħajru jidħlu f’din l-industrija li ma tinkludiex biss artisti, produtturi u atturi iżda wkoll ħaddiema anċillari li jagħmlu dak kollu possibbli biex min jidher fuq is-sett ikun fl-aqwa kundizzjoni possibli. Hemm bżonn għalhekk li kulħadd jiġi inkluż għal iktar livell.

Sadanittant, il-prijoritajiet tagħhom jinkludu l-indirizzar ta’ kwistjonijiet urġenti li qed tiffaċċja l-industrija filwaqt li jiżviluppaw strateġiji li jħarsu ‘l quddiem, u joħolqu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp professjonali, il-promozzjoni tal-esportazzjoni ta’ xogħol lokali, it-trawwim ta’ ambjent kreattiv inklussiv u tenfasizza l-identità unika ta’ Malta permezz tal-films u t-televiżjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport