Saturday, November 16, 2024

“Se nara kif nista’ ngħin lil din l-omm”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, twiegħed li tgħin lil Leigha Collins… tagħrif “mistur” lill-Qorti Skoċċiża jqajjem furur  

Miktub minn CARMEN CACHIA

Nicola Sturgeon, il-Ministru għall-Iskozja, ħabbret li offriet l-għajnuna tagħha biex tirritorna lill-omm żagħżugħa, Leigha Collins u lit-tabija tagħha wara li “The Sunday Post” irrapporta li provi kruċjali tal-każ ma kienux ippreżentati quddiem l-imħallef li ordna biex din l-omm tiġi lura Malta.

Sturgeon wegħdet is-sostenn tagħha lejn it-tfajla ta’ 19-il sena u t-tarbija tagħha ta’ sena – Hayes – li ntbagħtu lura f’pajjiżna, eluf ta’ mili ‘l bogħod mill-iben l-ieħor tagħha ta’ tliet snin u mill-ġenituri li jgħixu f’Fife, fl-Iskozja.

“The Sunday Post” qal li Collins telqet minn pajjiżna wara li r-relazzjoni tagħha ma’ Malti ta’ 20 sena, tkissret kompletament. Ir-rapport ikompli jgħid li l-omm żagħżugħa kienet akkużata li ħatfet lil binha u li telqet mill-pajjiż mingħajr il-kunsens tal-missier Malti. Għalhekk hija ġiet ordnata mill-imħallef, Lord Brailsford, fl-Iskozja, biex tirritorna Malta.

Ir-rapport allega li meta ttieħdu deċiżjonijiet allegatament ma kienx hemm l-informazzjoni li l-Malta allegatament kien ammetta għal akkużi kriminali.

Mistoqsija dwar x’taħseb dwar dan il-każ, Sturgeon qalet li, “bħal kulħadd, jiddispjaċini ħafna għal Leigha u ċ-ċirkostanzi li tinsab fihom. Ir-rwol tiegħi għandu limitazzjonijiet kostituzzjonali, iżda, jekk hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel biex Leigha tirritorna d-dar u tkun sigura, ovvjament jien se nagħmel minn kollox biex dan iseħħ”.

Jingħad li issa Sturgeon ġiet mitluba biex tiltaqa’ mal-familja ta’ Leigha.

Storja li ġibdet l-attenzjoni ta’ politiċi, ta’ organizzazzjonijiet u tal-midja

L-Organizzazzjoni “Women’s Aid” fl-Iskozja kkundannat l-estradizzjoni ta’ Leigha Collins u tat-tarbija Hayes lura Malta li saret fil-perjodu ta’ lockdown tal-Covid-19 wara li tagħrif ġdid li ħareġ riċenti dwar il-każ, jgħid li l-Qorti Skoċċiża ma kinitx mgħarrfa li l-eks sieħeb tat-tfajla omm kien ammetta li kien attakka u kkawża ġrieħi gravi f’wiċċ sewwieq li jqassam il-pizza.

F’rapport ieħor minn “The Sunday Post”, li fost ir-ritratti ppubblikati ittellgħu tal-Malti li allegatament jidher bi tliet boroż b’dak li jgħidu li huwa kannabis, jingħad li tmien xhur qabel Leigha kienet ordnata tirritorna Malta, il-Malti kien diġà ammetta l-akkużi kriminali miġjuba kontrih. Collins min-naħa tagħha kienet saħqet li hija tibża’ mis-sieħeb tagħha wara li r-relazzjoni bejniethom spiċċat.

F’April li għadda l-Qorti ppreseduta mill-imħallef Lord Brailsford ordnat lil Collins biex tirritorna lit-tarbija lil missieru wara li kien deċiż li t-tfajla omm kisret il-Konvenzjoni ta’ Hague dwar ħtif ta’ tfal. L-avukati ta’ Collins qalu li l-Malti allegatament kellu temperament vjolenti u dan kien sostnut bl-allegat attakk li għamel fuq sewwieq li jwassal l-ikel. 

It-tfajla omm sostniet li l-Qorti Skoċċiża ma tatx piż għall-fatt li hija kienet qalet li l-użu tad-drogi mill-eks sieħeb tagħha kien iżid mal-biża’ li kellha minnu u dan minħabba li kien intqal li l-Malti kien juża l-kannabis għal raġunijiet tas-saħħa.

Ir-rapport però jkompli jgħid li f’nofs Ottubru l-Malti allegatament ammetta fil-qorti ta’ Malta li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi u ngħata tliet snin probation, kif ukoll intalab isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. 

“Sitwazzjoni diffiċli u immaġinabbli”

Issa għadd ta’ għaqdiet u politiċi qegħdin jitolbu biex tinbeda investigazzjoni dwar dan il-każ u qegħdin jisħqu biex il-Ministri jgħinu ħalli Collins tittieħed lura fl-Iskozja. Fl-istess ħin qegħdin jitolbu li jsiru jafu kif u/jew għala l-maġistrat Lord Brailsford ma kellux l-informazzjoni li l-Malti allegatament kien ammetta reat kriminali.

Dr Marsha Scott, il-kap eżekuttiv tal-‘Women’s Aide” fl-Iskozja kitbet lil “The Sunday Post” fejn insistiet li, “din it-tfajla kienet imġiegħla mill-qrati Skoċċiżi tivvjaġġa lejn pajjiż barrani, tgħix f’ċirkostanzi prekarji, mifruda miċ-ċkejken binha, mill-ġenituri tagħha u min kull min jafha. Din hija sitwazzjoni diffiċli mmens u immaġinabbli”.

Jingħad li Lord Brailsford lanqas kien mgħarraf b’rapport li kien għamel l-uffiċjal tal-probation tal-missier Malti fejn kien esprima tħassib dwar il-vizzju tad-droga, kif ukoll l-imġieba psikoloġika tiegħu wara li kien irrifjuta li jagħmel test għad-drogi u programm ta’ rijabilitazzjoni.

“The Sunday Post” ippubblikat id-dettalji tal-kawża fil-Qorti ta’ Malta fejn jingħad kif il-Malti weġġa’ serjament lil persuna oħra  f’wiċċu waqt li dan tal-aħħar kien qiegħed fuq il-lant tax-xogħol tiegħu bħala sewwieq tad-delivery. L-attakk seħħ f’Ġunju ta’ sena ilu wara li nqala’ argument għax l-ikel wasal tard.  Il-Malti ammetta f’Lulju, 2019. 

Ir-rapport temm jgħid li barra t-tliet snin probation, il-Malti ġie ordnat iħallas is-somma ta’ €2,000 f’danni lill-persuna l-oħra  u poġġiet lill-imputat fuq ordni għal trattament kontra l-vizzju tad-droga a bażi ta’ dipendenza fuq il-kannabis. Il-Qorti Maltija ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma tal-attakk vjolenti fejn lesta li timmulta lil Malti €7,000 jekk dan jersaq viċin il-persuna l-oħra għal tliet snin li ġejjin.

Il-konferma li l-maġistrat Skoċċiż ma kienx jaf li l-missier Malti ddikjara lilu nnifsu ħati li kkawża ġrieħi gravi fuq persuna oħra, ġiet ippubblikata wkoll mill-ġurnal “Mirror”. Ir-rapport jgħid li t-talbiet biex il-każ ta’ Leigha jkun investigat, qegħdin dejjem jiżdiedu u li għadd ta’ organizzazzjonijiet qegħdin jinsistu li Leigha u t-tarbija tagħha, jintbagħtu lura fl-Iskozja.

Is-Segretarju tal-Ġustizzja tal-Partit Konservattiv Skoċċiż, Liam Kerr, qal li, “filwaqt li l-ministri ma jistgħux jindaħlu fi proċessi ġudizzjarji, l-affarijiet li sirna nafu issa qegħdin iqajjmu tħassib serju dwar il-benesseri ta’ omm żagħżugħa u t-tarbija tagħha”.

Ekonomija

Sport