Il-fatt li l-gwerra fl-Ukrajna qiegħda ġġiegħel għadd ta’ pajjiżi Ewropej biex jerġgħu jirrikorru għall-użu tal-faħam għall-provvista tal-enerġija tal-elettriku tagħhom hija inkwetanti. Din hija problema akbar milli qegħdin naħsbu. Dan għall-fatt li l-faħam huwa l-aktar forma “maħmuġa” li tista’ tintuża bħala riżors li għandu bħala fatt, konsegwenzi serji fuq l-ambjent u anke fuq is-saħħa tal-bniedem.
L-użu tal-faħam f’Malta ilu s-snin li nqata’ u minfloku bdejna nużaw id-diżel u l-gass. Pass tajjeb ħafna li kien meħtieġ. Kulħadd jiftakar in-nugrufun li kien iħammeġ l-arja u l-madwar tal-Marsa u l-Ħamrun. Fejn tidħol il-kwistjoni tal-gwerra fl-Ukrajna, pajjiżna mhuwiex dipendenti mir-Russja għall-gass u għal din ir-raġuni m’aħniex inkunu affettwati direttament fejn tidħol l-enerġija. Però, dan ma jfissirx li pajjiżna mhuwiex se jbati l-konsegwenzi tal-ftuħ tal-impjanti tal-faħam fl-Ewropa. Anzi. L-ambjent tagħna se jbati flimkien mal-kontinent kollu.
Fl-2021 fis-summit għall-ħarsien tal-ambjent COP26 il-pajjiżi kienu ftehmu li jnaqqsu kemm jista’ jkunu l-użu tal-faħam. Anke ċ-Ċina u l-Indja, li huma l-akbar konsumaturi ta’ dan ir-riżors naturali, qablu li jnaqqsu l-użu tiegħu. Dak iż-żmien il-Ġnus Magħquda ddikjarat li “l-imbarazz iswed se jsir xi ħaġa tal-imgħoddi”. Hawnhekk, sfortunatament, il-Ġnus Magħquda kienet għadha ma tafx is-sitwazzjoni li d-dinja ssib ruħha fiha. Sitwazzjoni fejn il-pajjiżi, inklużi dawk Ewropej, qegħdin għarkopptejhom quddiem gwerra u sanzjonijiet li mhux biss qiegħda twassal għal instabbilità fil-prezzijiet, iżda wkoll skarsità, fosthom tal-gass għall-enerġija.
Il-“penitenzi” kellhom ikunu fuq Putin, l-agressur. Iżda, fil-verità, il-konsegwenzi qegħdin u se nkomplu, inbatuhom aħna. Kif wissa l-istess Putin, is-sanzjonijiet fuq pajjiżu huma suwiċidju ekonomiku għall-Ewropa u magħhom nistgħu nżidu s-suwiċidju fuq l-ambjent li minflok qegħdin nilħqu l-miri ambjentali, qegħdin inkunu mġiegħla nużaw mezzi, bħal fil-każ tal-faħam, li nafu fiċ-ċert li jagħmel ħafna ħsara.
Il-faħam, li jforni 37% tal-elettriku fid-dinja, huwa l-aktar riżors użat għall-elettriku li jniġġes. Dan jitħaffer minn taħt l-art u wara jinħaraq fil-power stations fejn jikkawża ammonti esaġerati ta’ tniġġis li mhux biss jagħmlu ħsara dokumentata lill-ġisimna, iżda anke jkompli jikkawwża bidla fil-klima. L-użu tal-faħam huwa tossikoloġiku u jikkawża l-kanċer u dawn ikunu preżenti kemm fl-arja stess, kif ukoll fl-ilma u fl-art. Dan bi ħsara diretta lill-ħaddiema tal-minjieri u l-komunitajiet tal-madwar. Il-Kunsill tal-Ambjent ġab eżempju bl-Awstralja fejn irrapporta li l-impatt fuq is-saħħa taċ-ċittadini minħabba l-użu tal-faħam, kull sena jiswihom madwar $2.6 biljuni biex jindirizzaw każijiet ta’ kanċer fil-pulmun, mard tal-qalb u mwiet qabel iż-żmien.
Dawn il-perikli se jerġgħu jsiru problema reali tal-preżent u tal-futur. Ma jfissirx li għax l-impjanti tal-faħam se joperaw fl-Ewropa, aħna se niskappaw l-għawġ. L-arja hija xi ħaġa komuni u mhux territorjali. Hija problema tagħna wkoll li se titfa’ lill-pajjiżi Ewropej mitt sena lura fejn jidħol l-ambjent. Huwa minnu li fejn jidħol l-ambjent f’Malta għamilna progress u tibdiliet importanti iżda fl-aħħar mill-aħħar, fejn jidħlu kwistjonijiet tal-bdil fil-klima u l-kwalità tal-arja, dawn huma elementi komuni fuq skala globali. Il-kontroll fuqhom tagħna fil-verità huwa limitat.
F’Malta diġà għandna problema kbira fejn tidħol l-ażma u ċirkolazzjoni ta’ arja maħmuġa ġejja minn pajjiżi oħra ma tawgurax tajjeb. Globalment u anke bħala Unjoni Ewropea, ilna s-snin inqajmu għarfien, jitkellmu l-esperti, joħorġu studji, isiru l-konferenzi dinjijin, nagħmlu l-miri, nagħfsu fuq iċ-ċittadini u ntellgħu kampanji kontra kampanji. Allura, ladarba nafu li l-użu tal-faħam huwa daqstant perikoluż, għaliex ma nagħfsux fuq alternattivi oħra?
Nemmnu li aktar milli niġru biex mingħalina nsolvu l-problema tal-enerġija kkawżata mill-gwerra, il-pajjiżi għal darb’oħra għandhom jipprovaw jaħdmu għall-paċi u mhux jgħinu b’aktar armamenti parti waħda fil-konflitt u li jsibu soluzzjonijiet, bi ħsieb, li jkunu aktar favur l-ambjent. Ma nistgħux biex insolvu problema, noħolqu oħra ikbar. Dan għax l-użu tal-faħam, għalkemm mhux fl-immedjat, se jkun ta’ ħsara kbira għal kulħadd, inklużi aħna. F’din is-sitwazzjoni l-konsegwenzi, għalkemm mhux se nkunu qegħdin nattribwixxu direttament għalihom, se nbatuhom aħna wkoll. Se nbatu konsegwenzi li mhumiex tagħna.