Sunday, December 22, 2024

“Se nibqgħu naraw li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura, b’mod speċjali dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt l-intervent telefoniku fuq One Radio, il-Prim Ministru Robert Abela, kien ċar dwar dak li dan il-gvern flimkien mal-imsieħba soċjali ilhom xhur jaħdmu biex jitfassal id-dokument tal-budget għal din is-sena. Abela sostna li bħalma ilu jagħmel Gvern Laburista, il-budget ta’ din is-sena se jkollu l-ħsieb li jħares l-interessi ta’ min iħaddem filwaqt li jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema. Il-Prim Ministru tkellem dwar diskussjonijiet mal-imsieħba b’rabta mal-COLA u qal li dan il-mekkaniżmu ġie maqbul iswed fuq l-abjad numru ta’ snin ilu u ladarba kien hemm dan il-ftehim, il-gvern ma jista’ qatt idur miegħu b’tali mod li jinjora l-ħsibijiet tal-imsieħba soċjali.

Konxju dwar il-ħsieb tal-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem u l-bżonn li jinżamm il-livell ta’ kompetittività, il-Prim Ministru fakkar li bħalma ilu jagħmel f’dawn l-aħħar snin, il-gvern se jibqa’ jservi ta’ tarka biex ħadd ma jaqa’ lura. Fakkar fost l-oħrajn dwar l-isfidi internazzjonali li pajjiżna kellu jaffaċċja f’dawn l-aħħar ftit snin fejn wara żmien ta’ pandemija feġġet l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Qal ukoll li minkejja dawn l-isfidi li sfortunatament raw pajjiżi ferm ikbar minna jitfgħu l-piż fuq in-nies, il-Gvern Malti kien ikkritikat talli estenda l-għajnuna bħalma kienet dik tal-Covid Wage Supplement. Kien ċar li kull meta kien hemm dubju dwar jekk jestendix jew le din il-miżura, il-gvern għażel li ma jissugrax li jkollok faxex ta’ nies li jbatu u għalhekk għażel li jinvesti fihom biex ir-rota ekonomika tibqa’ ddur u tissaħħaħ.

“Irridu naraw li ħadd ma jaqa’ lura b’mod speċjali dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà”, kompla biex jispjega Abela filwaqt li tenna dwar għajnuniet li Gvern Laburista ta biex illum pajjiżna għandu n-numri li għandu fejn jidħlu l-qgħad u l-inflazzjoni fost sfidi oħrajn. Qal ukoll li dawn ma jiġux mill-ajru iżda grazzi għal deċiżjonijiet bħalma huma Childcare bla ħlas li wassal biex aktar nisa ħarġu jaħdmu għax raw li jaqblilhom jagħmlu dan meta qabel forsi kienu jżommu lura minħabba li l-flus li kienu jaqilgħu, kienu jonfqu parti essenzjali minnhom biex jindokraw lil uliedhom. L-istess kienet il-miżura tat-trasport b’xejn għall-istudenti li permezz tagħha l-ġenituri qegħdin jibqgħalhom aktar flus fil-but u dan kompla jgħin biex il-familji tagħna jgħollu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Ma’ dawn huwa semma dwar it-trasport pubbliku b’xejn fil-ġimgħat li ġejjin u qal li jinsab ottimist li din se tkun miżura oħra li se tkompli ttejjeb il-ħajja tan-nies.

Rigward l-istatistika li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li l-gvern sa mill-2020 għażel li jerfa’ l-piż tal-kontijiet tal-enerġija u l-prezzijiet tal-fuels bi traħħis li żamm konsistenti minkejja sfidi kbar fuq livell internazzjonali. Fakkar li fl-aħħar xhur, filwaqt li pajjiżi ferm akbar minna raw splużjoni fil-prezzijiet tal-enerġija, il-Gvern Malti għażel li jinvesti mijiet ta’ miljuni ta’ Ewro biex kemm jista’ jkun jipproteġi lin-nies minn dawn il-piżijiet. Qal li dan l-investiment għen biex il-poplu ma kienx affettwat minn żidiet li n-nies kienu se jaffaċċjaw ta’ kuljum minħabba li s-sorsi tal-enerġija u l-fuels huma xi ħaġa li llum il-ġurnata jintużaw mill-maġġoranza tal-poplu f’kull ħin.

Ekonomija

Sport