Saturday, December 21, 2024

“Se nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet u l-bidliet meħtieġa” – il-PM

Aqra wkoll

“Qatt ma ddejjaqna nirriformaw. Illeġiżlajna fix-xhur u s-snin li għaddew liġijiet importanti li jindirizzaw realtajiet ġodda u mhux se niddejqu nkunu nerġgħu Gvern ta’ deċiżjonijiet u bidliet meħtieġa.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’intervent telefoniku fejn sostna l-politika ċara li nsaħħu l-investiment għal Għawdex u Malta isbaħ u aħjar.

“Kommessi li nkomplu naħdmu għal standards ogħla fejn tidħol indafa pubblika… Qed nagħmlu ħafna – din il-ġimgħa bdejniha b’aktar investiment f’apparat tat-tindif mgħammar bl-aħħar teknoloġija li jippermetti moniteraġġ f’ħinijiet reali fit-toroq u l-postijiet pubbliċi tagħna,” qal il-Prim Ministru filwaqt li emfasizza l-ħtieġa taż-żamma tal-ordni f’termini ta’ ndafa, rispett tal-postijiet pubbliċi b’infurzar b’saħħtu.

Robert Abela semma wkoll l-infurzar effettiv tal-forzi tal-ordni fejn il-pulizija ssoktat b’ħidma kontra l-isfrutturar ta’ ħaddiema u abbużi anke bi traffikar uman. “Se nibqgħu nkunu sodi kontra min hu bla skrupli u jabbużaw min-nies vulnerabbli.”

Il-PM tkellem ukoll dwar il-ħidma kontra kwalunkwe vjolenza inluż dik abbażi tal-ġeneru fi sfond tal-każ riċenti ta’ Nicolette Ghirxi.

“Wettaqna bidliet kbar – anzi ngħid f’dawn l-aħħar snin wettaqna ħafna bidliet li bihom proteġejna u salvajna ħafna nies. Riċentament anki daħħalna bidliet fil-liġi fejn wessajna t-tifsira ta’ vjolenza domestika li biha tajna iżjed is-saħħa legali biex nindirizzaw fejn ma kienx indirizzat.”

Fost riformi oħrajn li qed jiġu implimentati huma r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Valenzia, il-ħidma tal-Victim Support Agency, illum persuna tista’ tikseb informazzjoni dwar is-sieħeb jew is-sieħba dwar jekk qattx kellhom storja ta’ vjolenza domestika fil-passat. Fuq livell ġudizzjarju ġew maħtura żewġ ġudikanti fuq każijiet speċifiċi marbuta mal-vjolenza domestika. Dan ifisser li hekk żdiedu sew is-seduti tal-kawżi biex inkomplu niġġieldu d-dewmien.

“Fuq livell ta’ riżorsi ta’ għajnuna u infurzar, qed nintensifikaw fil-ħidma. Illum għandna ċ-ċentru attrezzat b’ambjent li jilqgħek f’Santa Luċija għall-vittmi ta’ vjolenza domestika li jkunu jeħtieġu protezzjoni mmedjata huma u qraba tagħhom fosthom tfal. Qed naraw li jkollna ċentru ieħor miftuħ is-sena d-dieħla fiċ-ċentru ta’ Malta. Dan ikkumplimentat ma’ taħriġ ta’ entitajiet li jmissu ma’ dan is-suġġett bħall-pulizija.”

Dwar il-każ taż-żagħżugħ li l-familja tiegħu qed tappella minn estradizzjoni biex jaffaċċja akkużi marbuta ma’ bejgħ ta’ malware li jintuża għall-hacking, il-Prim Ministru spjega kif bħala Gvern qed jevalwa l-każ u kull mezz fil-parametri legali biex min kiser il-liġi f’pajjiżna, jaffaċċja l-ġustizzja f’Malta u fl-istess waqt irridu nassiguraw salvagwardji aktar b’saħħithom fil-proċedura fejn persuna tagħti volontarjament il-kunsens tagħha għall-estradizzjoni.

Partit Laburista miftuħ għal kulħadd u forza favur is-sewwa

“Partit Laburista li l-attiviżmu fih mhux ċkien iżda kompla jikber. Ħadd pjaċir nara l-involviment sabiħ tad-delegati fil-Konferenza Ġenerali li tlaqqgħet il-ġimgħa l-oħra, f’nofs Awwissu, fl-eqqel tal-vaganzi, u tara konkorenza qawwija ta’ diskussjoni ħajja u soda. Finalment wasalna għal deċiżjonijiet importanti li issa se jaraw il-ftuħ tan-nomini għal karigi ta’ żewġ Deputati Mexxejja, l-Amministrazzjoni u l-Eżekuttiv. Għalhekk jiem importanti għall-Partit Laburista li fit-12 u t-13 ta’ Settembru għandu numru ta’ ħatriet ġodda biex ikompli jibni fuq il-pedamenti li għandna.”

Il-Prim Ministru sostna wkoll kif fil-ġimgħat li ġejjin, se jkompli jara t-tiġdid fih biex ikompli mhux biss ikun l-akbar forza politika f’pajjiżna iżda biex dik is-saħħa ta’ fiduċja li wera l-poplu fih tiġi trasmessa f’aktar ħidma u deċiżjonijiet importanti.

Ekonomija

Sport