“Akbar ma jkunu l-isfidi, aktar il-bżonn li nkunu magħqudin. M’aħna se ninjoraw ir-realtà ta’ ħadd! Huwa minnu li s-soluzzjonijiet mhux faċli. Imma qed nieħdu sensiela ta’ deċiżjonijiet biex inħarsu x-xogħol, u nħarsu l-ħaddiem.” Sostna dan il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem. Huwa kompla biex jgħid li quddiem l-isfidi ġodda li qed taffaċċja d-dinja aħna rridu nkunu mutur ta’ ġid u li f’dan il-mument il-ħaddiem jeħtieġ l-opportunità, u l-ħarsien. Il-Prim Ministru aċċerta li dawn l-opportunitajiet qed jingħataw u se jibqgħu jingħataw. Spjega kif illum pajjiżna għandu anqas minn 1,000 persuna tirreġistra għax-xogħol. Kisba għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna. “Dan huwa l-aqwa legat ta’ dan il-moviment: Ix-xogħol. U x-xogħol ma ġiex mix-xejn. Sar permezz ta’ investiment dirett barrani li ġie attirat lejn Malta, investiment dirett barrani li espanda f’Malta, proġetti kbar fil-manifattura, investiment ġdid f’niċeċ ġodda bħal farmaċewtika, avjazzjoni u setturi kbar oħra. “Uliedna għandhom quddiemhom futur sabiħ”, Kompla l-Prim Ministru.
Robert Abela emfasizza li filwaqt li se jibqgħu jinħolqu dawn l-opportunitajiet, irridu nibqgħu nappoġġjaw lill-ħaddiema, lill-pensjonanti u liż-żgħażagħ li qed jibdew familja u lill-istudenti.
Il-Prim Ministru tenna l-istedina tiegħu lil kulħadd, inkluż dawk li fis-26 ta’ Marzu għażlu li ma jivvutawx, biex jersaq bl-ideat tiegħu biex flimkien inkunu nistgħu mmexxu dan il-pajjiż ’il quddiem. Abela tenna li r-riżultati qegħdin jaslu għax minkejja l-ħafna xogħol li għandu quddiemu dan il-gvern, dan huwa gvern immexxi minn partit tal-iva u sa mill-budget li ġej, se jkun qiegħed jara li jiġġeded għal pajjiż aktar ġust u ħanin fejn kulħadd jista’ jaspira u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Il-Prim Ministru saħaq li għalkemm fl-aħħar tliet snin ma stajniex niċċelebraw Jum il-Ħaddiem fil-pjazez, il-gvern iċċelebra l-ħaddiem kuljum bid-deċiżjonijiet li ttieħdu biex jiġu mħarsa l-impjiegi bla ma jintefgħu piżijiet ġodda fuqu.
Tkellem ukoll dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet u kif l-Oppożizzjoni filli ħolqot pressjoni biex jgħaġġel il-proċess, kif tħabbar il-pjan lejn in-normalità bilkemm ma reġgħax darilhom. Minkejja dan Abela qal li l-gvern baqa’ miexi bil-pjan biex minn għada stess tkompli t-triq lejn in-normalità bit-tneħħija kważi għalkollox tal-bqija tar-restrizzjonijiet.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Prim Ministru sostna li huwa minnu li s-soluzzjonijiet quddiemna mhumiex faċli, iżda qed jittieħdu sensiela ta’ deċiżjonijiet li fix-xhur li ġejjin se jkunu qegħdin iħarsu l-impjiegi. Fakkar kif taħt amministrazzjoni Nazzjonalista s-sors ta’ tbatija kien ikun il-gvern innifsu, iżda taħt amministrazzjoni Laburista l-gvern huwa s-sors tas-sostenn.
Abela spjega kif mentri gvernijiet oħra qegħdin jaħarbu mir-realtà jew għax ma jifilħux, il-gvern Malti alloka mijiet ta’ miljuni ta’ Ewro b’deċiżjonijiet strateġiċi li offrew stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija biex ikompli jissaħħaħ l-investiment. Rigward id-dqiq, fakkar kif il-Kabinett tal-Ministri sa dawn l-aħħar jiem stess approva għajnuna diretta lill-importaturi biex iżommu stabbli l-prezz tad-dqiq bil-kundizzjoni li tagħmel tajjeb għall-effetti tal-gwerra u ma jogħlewx il-prezzijiet. Tkellem dwar l-għajnuna lill-importaturi tal-ġwież li ngħatat ukoll biex titrażżan kemm jista’ jkun milli togħla r-rata tal-inflazzjoni.
“Filwaqt li fl-Ewropa hemm l-ogħla rati tal-inflazzjoni, ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna hija kważi n-nofs ta’ dik osservata fil-bqija tal-Ewropa”, tenna Abela filwaqt li fakkar li l-ogħla rata ta’ inflazzjoni fl-istorja ta’ pajjiżna kienet lura fl-2008 meta kien imexxi l-pajjiż il-Partit Nazzjonalista.
Il-mod kif kibret l-ekonomija Maltija fl-aħħar xhur, id-dħul tal-Gvern mar ukoll aħjar milli mistenni. Il-piż tad-dejn nazzjonali waqa’ taħt is-60%.
“Din hija l-ikbar xhieda ta’ gvern li lill-ħaddiem jipproteġih kemm jista’, u ma jgħakksux. Wara kollox bħalma ġara fil-pandemija. Ma tkunx tista’ telimina l-effetti kollha, vera. Imma għandkom is-serħan il-moħħ ta’ gvern bil-prijoritajiet ġusti”, temm id-diskors tiegħu Abela.