Tuesday, August 19, 2025

“Se nidfnek sitt piedi taħt l-art.”

Raġel mixli li hedded lill-eks sieħba tiegħu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 25 sena mill-Furjana wieġeb mhux ħati għall-akkużi li hedded lill-eks sieħba tiegħu, li hi wkoll l-omm taż-żewġ ulied minuri tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni akkużat lir-raġel ukoll li kiser ordni ta’ protezzjoni, għamel użu ħażin mill-kompjuter, hedded u insulenta lill-allegata vittma, u li kkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation.

L-Ispettur Christian Cauchi spjega quddiem il-Qorti li kienet l-eks-sieħba tal-imputat li għamlet rapport għand il-Pulizija wara li rċiviet diversi messaġġi li fost l-oħrajn allegatament qalilha “se nidfnek sitt piedi taħt l-art.”

Il-Prosekuzzjoni qalet li minkejja li l-koppja għandhom żewġt itfal flimkien, s’issa ma hemm l-ebda digriet mill-Qorti li jirregola l-aċċess u għalhekk kienu jiftehmu bejniethom informalment.

Ġara li fis-16 ta’ Awwissu li għadda huma ftehmu li l-imputat għandu jiġbor lit-tfal fl-10.00am, iżda l-allegat vittma qaltlu biex imur aktar tard, għall-ħabta ta’ nofsinhar. Kien hawn li wassal biex l-imputat beda jibgħtilha messaġġi ta’ theddid.

L-Ispettur qal li l-allegat vittma se titressaq il-Qorti wkoll minħabba li anke hi għamlet xi theddid. 

L-Ispettur Cauchi spjega li fl-2023, ir-raġel kien diġà nstab ħati ta’ akkużi simili kontra l-istess mara u kienet inħarġet ordni ta’ protezzjoni, li madanakollu ma ġietx osservata. Huma baqgħu f’relazzjoni sa Lulju 2024.

l-Avukat Mario Mifsud li mexxa d-difiża għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-allegat vittma għad trid tagħti x-xhieda tagħha.

Iżda l-Maġistrat Joseph Gatt, laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diveri kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €6,000. L-akkużat irid jiffirma l-Għassa tal-Pulizija kuljum u ġiet ukoll imposta ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport