Sunday, December 22, 2024

Se nieħdu d-deċiżjonijiet li huma meħtieġa jittieħdu – il-PM

Aqra wkoll

F’kollegament fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela spjega l-inizjattivi li qed jittieħdu biex f’pajjiżna jkollna biss il-ħaddiema li l-pajjiż jeħtieġ.

“Il-liġi tat-temping u l-iskills card fit-turiżmu fost oħrajn. Fl-istess ħin li dejjem kont realistiku. Iva, hemm oqsma fejn inkun populist, jekk ngħid li l-pajjiż m’għandux bżonn iktar ħaddiema; il-qasam tas-saħħa u l-kura tal-anzjani fuq quddiem nett. Iżda, imbagħad hemm oqsma fejn il-pajjiż illum jista’ jgħid daqshekk. Fejn nistgħu nieħdu d-deċiżjonijiet.”

Il-PM spjega kif mill-eżerċizzji li għaddejjin, instab li f’oqsma bħal food couriers u l-Y-plates, il-pajjiż għandu biżżejjed ħaddiema barranin. U hemmhekk ittieħdet id-deċiżjoni li jiġu rifjutati applikazzjonijiet ġodda għall-permessi ta’ xogħol. Robert Abela qal ukoll li b’din il-miżura, qed isir il-ġid ukoll lil min diġa jaħdem fis-settur għaliex is-suq mifqugħ. Fl-istess ħin, din il-miżura mhux se taffettwa lill-ħaddiema attwali f’dawn is-setturi. Sakemm dawn il-ħaddiema qegħdin hawn legalment, huwa l-akbar inċentiv biex min iħaddimhom, jieħu ħsiebhom u jinvesti fihom.

“Mhux se nippermettu li biex igawdu l-ftit, ibatu l-ħafna. Iva, jista’ jkun dawk il-ftit se jagħmlu l-iktar storbju, se jagħmlu iktar pressjoni, pero nafu sew x’inhuma l-ħtiġijiet tal-ħafna u hemm se naġixxu,” sostna l-Prim Ministru.

Dwar il-kwistjoni tal-infurzar fuq l-imwejjed u s-siġġijiet, il-Prim Ministru saħaq li ttieħdu miżuri ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u qed isir eżerċizzju lokal lokal biex jiġi stabbilit wieħed x’permessi għandu u fejn dawk il-permessi ma jiġux osservati, jittieħdu l-azzjonijiet. Appella wkoll lin-negozji biex joħolqu infrastruttura fejn in-negozju jikber u jimraħ iżda joperaw b’rispett.

“Wieħed irid jifhem li kull raħal għandu l-karattru tiegħu u rridu nħarsuh, u f’kull raħal hemm ukoll players differenti u għalhekk irridu nikkonsultaw filwaqt li nippreżentaw pjani aġġornati.”

Ekonomija

Sport