Raġel ta’ 30 sena residenti l-Marsa tressaq il-Qorti fej kien akkużat li hedded , insulenta u seraq lill-partner tiegħu fir-residenza tagħha fiż-Żurrieq, kif ukoll li għamel theddid permezz ta’ mezzi elettronici.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo li l-allegat vittma kienet għamlet rapport għand il-Pulizija fejn allegat li kienet qiegħda tirċievi theddid u tgħajjir permezz ta’ messaġġi minn dan ir-raġel.
Skont l-allegat vittma l-imputat bgħat messaġġ lis-sieħba “Se niġi hemm u nagħmillek il-ħsara.” Hija allegat ukoll li s-sieħeb tagħha kien seraqilha €350. Waqt li kienet qiegħda tiġi mitkellma mill-Pulizija, l-allegat vittma allegat li s-sieħeb għandu problema tad-droga.
Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.
Id-difiża talbet biex l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda din it-talba sabet oppożizzjoni kbira milll-Prosekuzzjoni l-aktar minħabba l-fatt l-vittma għadha ma xehditx u hemm riskju reali li jerġa’ jikkommetti reat minħabba l-problemi tad-droga li qed jiffaċċja.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li l-Qorti għandha ssib bilanċ bejn l-interessi tas-soċjetà u dawk tal-akkużat. Qalet li dan hu l-ewwel każ tal-imputat u qatt qabel ma tressaq il-Qorti u għalhekk m’għandux għalfejn jintbgħat il-ħabs. Id-difiża qalet ukoll li l-imputat se jkun qiegħed jindrizza l-problemi li għandu.
L-avukat spjega wkoll li l-akkużat se jibda xogħol stabbli dalwaqt u li missieru offra li jkun garanzija terza u li ibnu joqgħod miegħu u ma’ ommu. Il-Qorti wara li semgħet lill-parijiet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u r-raġel inżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.