“Se nippreżentaw Budget ieħor importanti li fih inkomplu ninċentivaw l-intrapriżi lokali biex igawdi kemm min qed joħloq il-karrieri ta’ kwalità f’pajjiżna imma anki min dak li qed jaħdem u qabad karriera ta’ kwalità.” Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela meta tkellem ma’ ħaddiema u professjonisti waqt li żar l-uffiċini tal-kumpanija Finanzi f’ San Ġwann.
Din il-kumpanija, li twaqqfet fl-2018, kibret b’pass mgħaġġel u llum għandha tim ta’ 45 professjonist. Finanzi hija kumpanija, bi tmexxija żagħżugħa ta’ daqs medju li toffri firxa ta’ servizzi speċjalizzati fl-accounting, taxxa korporattiva, awditjar u konsulenza.
Waqt din iż-żjara, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri flimkien mad-Deputat tal-Gvern Cressida Galea, il-Prim Ministru faħħar l-impenn ta’ Finanzi li tiżviluppa talent lokali u toħloq opportunitajiet għal karrieri ta’ kwalità. Huwa nnota wkoll l-entużjażmu qalb il-ħaddiema u l-ispirtu taż-żgħażagħ li jmexxu ’l quddiem il-kumpanija li qed jirrifletti l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ tmexxija ekonomika f’Malta.
“L-imprenditorjat miż-żgħażagħ mutur f’ekonomija b’saħħitha. Waqt żjarat bħal tal-lum naraw eżempju ta’ kif iż-żgħażagħ Maltin b’viżjoni u determinazzjoni rnexxielhom jibnu kumpanija li mhux biss tagħti l-għajxien lil ħafna familji, iżda wkoll tikkontribwixxi għas-suċċess ekonomiku tal-pajjiż. Aħna rridu nkomplu noħolqu bilanċ bejn l-interessi tal-ħaddiema u tal-intrapriżi biex flimkien inkabbru l-ġid ekonomiku,” sostna Dr Abela.
Il-Prim Ministru saħaq ukoll fuq l-importanza ta’ investiment fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija, b’mod partikolari fl-infrastruttura diġitali u fl-intelliġenza artifiċjali, li huma kruċjali sabiex kumpaniji bħal Finanzi jibqgħu joffru servizz ta’ livell għoli u jżommu vantaġġ kompetittiv f’suq globali li qed jinbidel b’pass mgħaġġel.
Min-naħa tagħhom, Finanzi ħabbru li jinsabu fi stadju ġdid ta’ tkabbir b’investimenti f’sistemi avvanzati, li għandhom pjan biex id-daqs tat-tim jirdoppja fi żmien ħames snin, u li qegħdin jaħdmu sabiex jintroduċu servizzi ġodda f’setturi bħall-avjazzjoni u marittimu. Fil-futur, il-kumpanija għandha l-għan li tespandi l-ħidma tagħha barra minn Malta u tkompli tikber f’dan is-settur.