Friday, November 15, 2024

“Se nippreżentaw il-proposti tagħna fejn jidħol l-iżvilupp f’Għawdex”

Il-Ministru Clint Camilleri jgħid li għaddejjin diskussjonijiet ma’ diversi NGOs rigward tibdil fil-policies

Aqra wkoll

“Qed nisimgħu u naraw b’għajnejna li hawn żvilupp għaddej madwarna. Huwa minnu wkoll li t-tkabbir ekonomiku li kien hawn f’dawn l-aħħar snin inċentiva lin-nies tagħna stess biex jinvestu fis-suq tal-proprjetà li minn dejjem kien suq b’saħħtu li jagħti ċertu tip ta’ serħan il-moħħ lil min jinvesti fih. Wara li rajna dan kollu, forsi wieħed jista’ jgħid li ċerti affarijiet setgħu jsiru b’mod aħjar.

Għaldaqstant, għaddejjin b’numru ta’ diskussjonijiet ma’ diversi NGOs rigward tibdil fil-policies, fejn qed niddjalogaw b’mod tajjeb.

Qal dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’intervista li saritlu minn dan is-sit fuq diversi temi fosthom il-bilanċ bejn l-iżvilupp tal-bini u l-ambjent naturali, il-konnettività bejn Malta u Għawdex, b’mod speċjali dwar l-air-strip u r-raba’ vapur, il-proġett propost ta’ riġenerazzjoni fiż-żona Taċ-Ċawla fir-Rabat (Għawdex), u l-iżvilupp sostanzjali li qed isir fit-toroq Għawdxin.

Huwa qal li fix-xhur li ġejjin, anke permezz tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp t’Għawdex (GRDA), se jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw il-proposti tagħhom sabiex l-Awtorità tal-Ippjanar tkun tista’ teħodhom ‘on board’.

Għalkem qal li ma jaqblux ma’ dak kollu li qed jiġi suġġerit mill-NGOs, però saħaq li mhumiex għalkollox kontra dak li qed jiġi suġġerit minnhom.

“Nemmen li hemm proposti li tajjeb li wieħed jikkunsidrahom, u hemm oħrajn li wieħed irid jaħseb dwarhom u l-effett tagħhom. Wieħed irid jistudja dan kollu b’mod dettaljat sabiex xħin ikun hemm it-tibdil neċessarju, dan isir bi ħsieb u bi strateġija, u fl-aħħar mill-aħħar inkunu qed nimmeljoraw l-ambjent u dak li nkunu qed naraw meta nkunu għaddejjin mit-toroq tagħna,” qal il-Ministru Camilleri.

Staqsejna lill-Ministru kif kien it-turiżmu fix-xitwa u kif qed iħarsu lejn it-turiżmu għas-sajf li ġej…

“Bqajna għaddejjin tajjeb ħafna anke matul ix-shoulder months. Dan juri li dak li qed naħdmu għalih sabiex nattiraw turiżmu intern u estern qed jaħdem. Fil-fatt, ħarsa lejn il-kalendarju kulturali ta’ Għawdex mill-ewwel tinduna li kull tmiem il-ġimgħa qed ikun mimli attivitajiet”.

Tlabna l-kummenti tal-Ministru rigward l-‘air-strip’ proposta bejn Malta u Għawdex.

“L-air-strip għaddej ix-xogħol fuqha mill-Awtorità tal-Ippjanar. Preżentament, għaddejjin numru ta’ studji li ġew mitluba minn diversi entitajiet tal-Gvern sabiex wieħed ikun jista’ jevalwa l-impatt tagħha, inkluż fuq l-ambjent. Ninsabu kunfidenti ħafna li iktar tard matul din is-sena l-Awtorità tal-Ippjanar tagħti l-permess biex din issir. Kellna diversi għażliet, però ridna nżommu f’moħħna li din se tkun air-field u mhux airport. Qegħdin nużaw biss l-istess area li diġà kienet bl-istess parametri li kienet qed tokkupa fih il-heliport, però d-daqs tagħha se jkun qed jirdoppja: jiġifieri se jkun ta’ 450 metru kwadru. Mhux se nknu qed nużaw art agrikola, anki u minkejja li l-pjanijiet lokali tal-Awtorità tal-Ippjanar jippermettu dan”.

Jien nemmen li kieku morna għal xi ħaġa full blown jew ma ssirx jew tieqaf f’nofsha. Nemmen li dan se jkun l-ewwel pass: se jkun pass tajjeb anke fejn jidħol investiment addizzjonali rigward skejjel tal-avjazzjoni, drone testing u anke traġitti bejn Għawdex dirett għal gżejjer oħrajn fil-Mediterran. Din hija faċilità li bħalissa Għawdex għad m’għandhiex. Jekk xejn, se nkunu qegħdin noffru lill-Għawdex faċilità li s’issa għad m’hemmx u għad tiftaħ opportunitajiet ġodda. Irridu naraw li dan il-proġett ikun implimentat u allura jkun hemm anke ajruplani żgħar b’massimu ta’ 11-il seater li jkunu qed iġorru merkanzija fost affarijiet oħra”.

Mistoqsi dwar ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel, il-Ministru Camilleri qall li fil-preżent “għaddejjin bil-kirja tar-raba’ vapur mingħand il-kumpanija Griega ‘Nikolaus’. Għandna fi ħsiebna li noħorġu sejħa għall-offerti biex naraw titfaċċax opportunità ta’ iktar bidders biex joffru dan is-servizz. Barra minn hekk qed naħdmu fuq pjan fit-tul fejn jidħol ir-raba’ vapur anke permezz ta’ kirja fit-tul jew permezz ta’ bastiment ġdid, ikunx ‘owned’ mill-Gvern, jew minn ħaddieħor, però li jkun qed jipprovdi serħan il-moħħ għaż-żmien li ġej.

“Kull darba li għal xi raġuni jkun hemm vapur li ma jkunx qed jopera, naraw kjuwijiet twal li proprju jkunu qed jistennew sabiex jaqsmu lejn Għawdex jew vice versa. Għaldaqstant, nemmen li dan is-servizz huwa essenzjali biex noffru l-iskeda li hemm fis-seħħ: skeda li minn 10 snin ilu aktar irdoppjat – minn 15,000-il traġitt għal aktar minn 35,000 traġitt fis-sena. Sena wara l-oħra, id-domanda qed tkompli tiżdied. Qed jiżdiedu nies li jużaw dan is-servizz madwar 600 darba fis-sena. Irridu nibqgħu ntejbu dan is-servizz”.

Matul l-aħħar xhur rajna żvilupp sostanzjali fit-toroq Għawdxin, fejn tjiebet ħafna l-infrastruttura tat-toroq. X’inhuma l-kummenti tal-Ministru dwar il-pass li jmiss f’dan rigward?

“Hekk hu. Fil-fatt, mill-2020 sal-2022 għamilna aktar minn 100km kwadru ta’ tarmak madwar Għawdex kollu. B’ħidma bla waqfien assigurajna li Għawdex ikollu l-infrastruttura li tixraqlu bħal Malta. Lestejna kemm arterji prinċipali kif ukoll toroq residenzjali. Fosthom ma nistax ma nsemmix Triq l-Imġarr, in-Nadur, li kienet ilha snin biex tinbena. Amministrazzjonni Nazzjonalista, minkejja li kellha żewġ ministri jgħaddu minn hemm, xorta waħda baqgħet qatt m’għamlitha. Aħna x-xogħol ma jaqtgħalniex qalbna … bil-fatti wettaqna dak li wegħedna, u hekk se nkomplu nagħmlu”.

Xi proġetti għandkom għaddejjin bħalissa li se jgawdu minnhom l-Għawdxin u dawk kollha li jżuru Għawdex?

“Minbarra dawk li lestejna, għandna diversi proġetti kbar għaddejjin, fosthom: iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv, il-Mużew ta’ Għawdex, il-Park & Ride u l-Iskola tar-Rabat u dik tan-Nadur.

Dawn huma proġetti li permezz ta’ wħud minnhom se ntejbu l-ħajja tar-residenti u ta’ dawk li jżuru Għawdex, u oħrajn jgħinuna nkomplu nattiraw aktar turiżmu lejn il-gżira Għawdxija: turiżmu ta’ kwalità minn dak kulturali sa dak sportiv”.

Infurmat ukoll li se jibda l-proġett ta’ riġenerazzjoni taż-żona Taċ-Ċawla, ir-Rabat (Għawdex). Tista’ tagħtina aktar informazzjoni?

“Il-proġett ta’ riġenerazzjoni taż-żona Taċ-Ċawla se jwassal biex jintlaħqu żewġ miri ewlenin: l-immodernizzar tal-ispazju pubbliku u żieda fl-akkomodazzjoni soċjali.

Il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dan ix-xogħol fiż-żona magħrufa bħala Taċ-Ċawla, ir-Rabat (Għawdex), kien approvat lura fl-2019 u eventwalment ħarġu s-sejħiet għall-offerti biex dan ix-xogħol ikun jista’ jsir.

Il-proġett għandu binja żgħira ta’ akkomodazzjoni soċjali biex f’Għawdex ukoll ikunu megħjuna familji li jeħtieġu appoġġ soċjali, filwaqt li l-parti l-kbira tal-proġett hi maħsuba biex ikun riġenerat l-ispazju pubbliku sabiex ir-residenti u l-familji f’Taċ-Ċawla jkollhom żona rikreattiva akbar u iżjed adegwata.

Dan il-proġett se jkun qed iwassal biex dawk li jgħixu f’din iż-żona se jgawdu minn spazju pubbliku li jixraq għaż-żminijiet tal-lum. L-għan tagħna huwa li filwaqt li nżidu l-akkomodazzjoni soċjali, nieħdu ħsieb li nimmodernizzaw l-ispazju pubbliku u nżidu ż-żoni b’soft ares u rikreattivi sabiex jitgawdew min-nies li jgħixu f’Taċ-Ċawla. Dan jirrifletti wkoll il-mira tal-Gvern li nkomplu nżidu l-ispazji pubbliċi fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. Dan il-proġett ħolistiku ser isir fuq medda ta’ art ta’ 3,750 metru kwadru fejn 330 metru kwadru, jew aħjar anqas minn 9% tal-ispazju eżistenti biss ser ikun iddedikat għall-akkomodazzjoni soċjali. Il-kumplament tal-ispazju, dak ta’ tliet tomniet, ser jiġi ġġenerat kif spjegat fil-proġett bi playing field, outdoor gyms, żona rikreazzjonali b’water features kif ukoll landscaping estensiv.

Barra minn hekk, dan il-proġett ser ikun qed jindirizza wkoll il-ħtieġa li jimmodernizza u jkabbar il-pitch tal-futbol eżistenti wkoll, fejn se jkun qiegħed jitkabbar b’150 metru kwadru għal 850 metru kwadru u dan sabiex ikun jista’ jintuża aħjar kemm għas-sessjonijiet ta’ taħriġ mill-Victoria Hotspurs kif ukoll mir-residenti taż-żona. Il-blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali se tkun qed tikkonsisti fi tmien appartamenti.

F’dan il-proġett mhux biss se jkun assigurat li l-ebda siġra ma titneħħa, iżda għall-kuntrarju se jiżdiedu kemm is-siġar fiż-żona kif ukoll ammont ta’ arbuxelli. Barra minn hekk, se tiġi installata sistema ta’ dawl ġdida u faċiliatjiet oħra sabiex jitgawdew mit-tfal u mir-residenti taż-żona. Apparti dan, żona oħra ta’ 775 metru kwadru li tinsab fi Triq Anton Tabone, fl-akkwati Taċ-Ċawla u li kienet ilha mitluqa għal diversi snin, se tiġi riġenerata u tinbidel fi spazju miftuħ ieħor biex jitgawda mill-familji. Dan il-proġett hu kumplimentari għall-viżjoni tal-Gvern biex joħloq aktar spazji rikreattivi.

Ekonomija

Sport