Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdiet minn etá żgħira billi kont insegwi lil AC Milan, imbagħad eventwalment bdejt ninvolvi ruħi bilmod pass pass fil-klabb tal-futbol ta’ pajjiżi l-Birgu, jipifieri Vittoriosa Stars FC. Bdejt billi kont involut biex nerġa’ nibni nursery imbagħad nieħu ħsieb l-ball boys sakemm spiċċajt nieħu ħsieb it-tim għal dawn l- aħħar tmien snin
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala team manager ta’ Vittoriosa Stars FC.
Ir-rwol tiegħi jinvolvi ħafna xogħol u kważi kważi nista’ nassigurak li f’dan ir-rwol ma tiqafx iżda dejjem għaddej. Dan ir-rwol jibda minn għażla ta’ staff tekniku, għażla ta’ plejers u affarijiet ulterjuri li jikkonċernaw il-plejers tul l-istagun bħal injuries eċċ. Fir-rwol tiegħi, irrid inkun spalla ma’ spalla mal- president u fin-nofs bejn l-istaff tekniku u l-plejers.
Il-kulminu tax-xogħol ikun fil-bidu tal-istaġun fejn wara li tkun poġġejt bilqiegħda u evalwajt l-istaġun ta’ qabel, tkun trid tibda tagħżel plejers interessanti li tkun segwejt tul l-istaġun u tibda tibni t-tim tiegħek għall-istaġun li jmiss b’għajnejk miftuħa u attenzjoni li żżomm mal-baġit finanzjarju stipulat tal-klabb.
Imbagħad tul l-istaġun trid tara li jkollok dressing room magħquda, plejers fuq l-istess ‘wavelength’ mal-kowċ u klabb biex b’hekk tieħu l-massimu possibli minn dak li tkun bnejt.
X’taħseb li kien is-sigiriet tas-suċċess wara l-kisba tal-promozzjoni għall-BOV Challenge League min-National Amateur League 1?
Is-sigriet tas-suċċess minn Vittoriosa Stars FC, naħseb li kien katina ta’ affarijiet, jibda milll-president li dejjem kien ta’ spalla mat-tim, kowċ u staff tekniku li għamlu dak kollu possibli bi professjonalitá biex ħadu l-aħjar u l-massimu minn kull plejer, u fl-aħħar u mhux l-inqas il-plejers li kienu leali u ġibdu l- istess ħabel tal-klabb biex stajna nilħqu t-tragward tal-klabb.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej bħala klabb?
Wara staġun li nistgħu ngħidu kien wieħed pożittiv fejn il-klabb laħaq it- tragward tiegħu, il-klabb mill-ewwel iltaqa’ mal-istaff tekniku biex nikkonfermawh għall-istaġun li ġej. Mal-istaff tekniku għall-istagun li ġej se jingħaqad ukoll analista li se jkun qed jgħin lill-kowċis janalizzaw il-logħbiet. Poġġejna bilqiegħda flimkien u analizzajna flimkien l-istaġun biex minn hemm nibnu l-iskwadra tagħna.
Iltqajna mal-plejers kollha u tkellimna magħhom. Minn hemm żammejna nukleu ta’ plejers biex nibnu tim madwarhom. Grazzi għall-president flimkien mal- kumitat u l-istaff kollu għall-għajnuna kollha fl-istaġun li għadda li flimkien konna suċċess, kif ukoll l-istess kumitat u membri ġodda li se jkunu qed jgħinu volontarjament għall-istaġun li ġej biex flimkien inkomplu naħdmu għall-ġid tal- klabb. Kellna suq ta’ trasferimenti fl-opinjoni tagħna pożittiv fejn identifikajna plejers li ħassejna li huma validi għat-tim. L-iskwadra għall-istaġun li ġej ġiet magħluqa f’sitt ġimgħat u nistgħu ngħidu li hi lesta u ppreparata għall-istaġun li ġej.
Minn hawn nawgura lill-plejers kollha tagħna staġun ta’ suċċess biex flimkien inkomplu nibnu fuq dak li bdejna l-istaġun li għadda. Nafu li se jkun staġun diffiċli u ta’ livell għoli, iżda bil-limiti kollha tal-klabb se nippruvaw nutilizzaw lill-plejers kollha tal-iskwadra tagħna bl-aħjar mod possibli biex ikollna staġun pożittiv ieħor u jintlaħaq it-tragward tal-klabb biex inżommu postna f’din id-diviżjoni.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas nixtieq li permezz ta’ din l-intervista nirringrazzja lill-plejers kollha li kienu parti mis-suċċess tal-promozzjoni matul l-istaġun li għadda, filwaqt li nawgura staġun ta’ suċċess lil dawk il-plejers li kienu magħna u għall-istaġun li ġej se jkunu qed jibdew avventura ġdida ma’ klabb ieħor. Jalla jkollna staġun sabiħ u interessanti kif ikun dejjem f’din id-diviżjoni. Awguri lill- klabbs kollha li kulħadd ħadem bla nifs biex ikollu l-aħjar skwadra possibli!
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Bl-inklużjoni ta’ iktar plejers barranin fid-diviżjonijiet nemmen li l-livell għola. Ħafna plejers Maltin nieżlu f’divizjoni inferjuri u awtomatikament dan jgħolli l-livell. Din is-sena stajna naraw kemm it-timijiet kienu kważi viċin ħafna ta’ xulxin, u kull team kien organizzat u ta sfida denja lil kull tim avversarju.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-grawnds fejn jintlagħab il-logħob tan-National Amateur League 1, inħoss li jista’ jkun aħjar speċjalment il-faċilitajiet, fejn hemm fejn isir progress. Rigward il-pitches nemmen li jekk tittieħed inizjattiva u dawn jixxarbu qabel il-logħba, nemmen li jistgħu jkunu aħjar.
Kif qed tħares lejn il-futur iktar ‘il bogħod tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur billi nkompli nikber, nitgħallem billi nikseb iktar esperjenza u nagħmel iktar ħbieb ġodda. Fl-aħħar mill-aħħar, inħares b’ottimiżmu biex nilħaq it-tragward tal-klabb tiegħi għall-istaġun li ġej.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Karriera ta’ suċċess fil-futbol nemmen li tasal b’impenn u li tipprova tkun professjonali f’dak kollu li tagħmel … u li llum nagħmel xi ħaġa aħjar mill-bieraħ. Is-suċċess jinkiseb ukoll bir-rispett u l-lealtá lejn ta’ madwarek li dak hu rwol importanti mhux fil-futbol biss, imma fil-ħajja ta’ kuljum!