Monday, October 28, 2024

“Se nitlaq għal sfida oħra differenti imma ma nafx x’inhi”

- Ramona Attard wara erba’ snin bħala President tal-Partit Laburista…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-avukata Ramona Attard wara erba’ snin ta’ ħidma se tħalli l-pożizzjoni tagħha bħala l-President tal-Partit Laburista. Dan se jseħħ fi żmien ħmistax hekk kif il-PL għaddej minn tiġdid fost id-delegati u l-uffiċjali tiegħu.

Għall-kariga ta’ Attard ħabbru l-kanditatura tagħhom Norma Saliba u Alex Sciberras. Hekk kif qaltilna f’din l-intervista, l-esperjenza fir-rwol ta’ President ta’ Partit fil-Gvern, għamlitha r-Ramona li hija llum il-ġurnata.

Kien wara l-aħħar elezzjonijiet tal-MEPs u l-Kunsilli Lokali li hija ħabbret li se titlaq minn din il-pożizzjoni għal sfida oħra differenti f’ħajjitha, liema sfida għadha ma tafx x’inhi. Attard qiegħda tinsisti li minkejja li għażlet li ma tibqax fl-istruttura tal-PL, hija se tibqa’ tgħin u attiva fi ħdan dan il-Partit. 

Filwaqt li qalet li huwa stat ta’ fatt li fl-aħħar elezzjonijiet l-elettorat, għal diversi raġunijiet, għadda messaġġ lill-Gvern, Attard temmen li l-poplu Malti u Għawdxi xorta waħda jrid Gvern Laburista fit-tmexxija iżda, iridu li jkun aħjar. 

Fost is-suġġetti li tkellimna magħha missejna r-relazzjoni bejn il-Partit u l-Gvern, ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament u anke fl-istess strutturi tal-PL, l-aħħar femiċidju, kif ukoll il-kwistjoni tal-libelli f’Malta.

Bħal indikazzjoni għall-kapitlu l-ġdid li se tibda fil-mixja politika tagħha Ramona Attard semmiet li jekk ikun hemm opportunità biex tkompli tibdel il-pajjiż, tgħin lil min huwa fil-bżonn u tippromowovi l-aġenda progressiva u liberali tal-PL, lilha se nsibuha fuq ta’ quddiemnett. Iżda, f’dan l-istadju, għadha teżamina x’inhuwa l-aħjar post għaliha. Hija spjegat li se tkompli għaddejja bix-xogħol imma “f’format ftit differenti”. 

Din hija l-intervista sħiħa mal-President attwali tal-Partit Laburista, Ramona Attard:

Taqbel li f’dawn l-elezzjonijiet kien hemm messaġġ mill-poplu? Jekk iva x’inhuwa fl-opinjoni tiegħek?

Mhiex kwistjoni li taqbel. Huwa fatt. L-elezzjoni, kemm jekk hija ġenerali, kemm jekk hija tal-MEPs jew lokali, dejjem tħalli l-messaġġi tagħha. Il-messaġġi anke tħallihom meta rbaħna l-aħħar elezzjoni ġenerali b’rebħa storika ta’ 40,000 vot minn fuq. Xorta kien hemm ammont ta’ nies li ma ħassewx li għandhom jeżerċitaw id-dritt tal-vot u dawk il-messaġġi wkoll kienu qegħdin jipprovaw jiġu interpretati aħseb u ara elezzjonijiet li kien hemm riżultati differenti. Jiġifieri, għandek l-elezzjoni tal-MEPs b’maġġoranza ta’ 8,000 vot u l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali b’maġġoranza ta’ aktar minn 20,000. Ovvjament jiġi interpretat il-fatt li bejn il-Kunsilli Lokali u tal-MEPs kien hemm diskrepanza u tiġi interpretata wkoll il-maġġoranza tat-8,000. Nemmen li dik hija analiżi li trid issir aktar f’dettall. 

Bħala Partit Laburista bdejna nlaqqgħu l-għeruq tagħna. Saru seba’ assemblei tad-delegati kemm f’Malta, kif ukoll f’Għawdex ħalli nibdew l-analiżi tagħna. Issa l-analiżi, ovvjament, trid tmur lil hinn minn hekk. Li huwa żgur huwa li għal darb’oħra, f’nofs leġislatura b’fatti wkoll li kienu partikolari, il-poplu Malti u Għawdxi għażel lill-Partit Laburista. Però, bla dubju,hawn il-popluta messaġġ li jrid Partit Laburista fil-Gvern li jibqa’ fil-Gvern imma li jkun aħjar milli huwa issa. 

Ovvjament iltqajt ma’ ħafna nies li jgħidulek jew li ma vvotax jew anke li vvotaw, li stennew aħjar minn għandna. Ikun hemm kwistjonijiet u raġunijiet differenti fosthom min ikollu dawk personali, li huma importanti wkoll u hemm min il-kwistjonijiet tiegħu jkunu fuq il-mod kif il-Gvern jew il-Partit fil-Gvern qiegħed jieħu jew iwettaq ċertu deċiżjonijiet fuq divesi oqsma. Imbagħad ikollok ukoll sitwazzjoni kontrastanti fejn min jgħidlek li jdejquh l-imwejjed u s-siġġijiet u min jgħidlek li huwa operatur ta’ negozju u jixtieq aktar mwejjed u siġġijiet. Hemmhekk il-Gvern irid jagħti direzzjoni u l-aspirazzjoni ta’ liema Malta rridu ngħixu fiha.

Hemm raġuni partikolari li m’intix se terga’ tikkontesta fil-PL? Dan huwa konsegwenza tar-rizultat ta’  elezzjonijiet ta’ Ġunju?

Raġunijiet hemm u ma niddejjaqx ngħidhom kif diġà għamilt permezz tal-midja soċjali. Jiena ili erba’ snin bħala President tal-Partit Laburista u ħassejtni li issa ninsab f’pożizzjoni li mmur għall-sfida differenti li jmiss f’ħajti u għalhekk ħassejt ukoll li huwa l-mument li ma nibqax fi struttura tal-PL minkejja li se nibqa’ ngħin anke li min se jkun hemm floki. Fil-fatt diġà kellimt liż-żewġ kandidati, kemm lil Norma kif ukoll lil Alex. Kellimt ukoll lill-Prim Ministru, numru ta’ ministri u membri parlamentari li jiena se nkun hemmhekk biex ngħin imma din id-darba minn pożizzjonijiet differenti. 

L-isfida li jmiss għad irrid nara x’se tkun. Kif tkellimt anke mal-Prim Ministru, din se tkun sfida differenti u ovvjament offrejt l-għajnuna tiegħi li fejn ikun hemm bżonn, jien beħsiebni nibqa’ attiva fi ħdan dan il-Partit. Din l-esperjenza bħala President tal-PL għamlitni r-Ramona li jien illum. Esperjenza li għandi nkun kburija ħafna li stajt inservi lil dan il-Partit, l-akbar forza politika b’saħħitha f’pajjiżna. 

Issa ili nimmilita fil-PL minn minndu konna fl-Oppożizzjoni u allura tara dan il-Partit ikun fil-Gvern bis-saħħa. L-aktar afffarijiet li se nibqa’ ngħożż huma l-bidliet li għamilna li tejbu l-ħajjiet tan-nies fosthom iċ-childcare centres b’xejn, it-titjib fil-pensjonijiet li kienu ffriżati u magħhom il-paga minima, trasport pubbliku u dak tal-iskejjel b’xejn, O’Levels bla ħlas u anke jekk għandek tifel jew tifla li għandhom bżonn kura barra minn Malta, issa jista’ jitla’ miegħu ġenitur wieħed. Għamilna wkoll għadd ta’ riformi u servizzi oħra  li bidlu ħajjiet in-nies inklużi trattamenti tal-kanċer u tal-IVF. 

Nemmen li għad hemm ħafna xi jsir u għalhekk inħares ‘il quddiem u nibqgħu noħolmu li ntejbu ħajjet in-nies. Però, nemmen li Gvern Laburista għandu track record tajjeb ħafna fuq dak li jirrigwarda riformi soċjali, riformi ekonomiċi, kif ukoll riformi progressivi u liberali.

Tħoss li l-PL inqata’ mill-kuntatt u r-realtajiet tan-nies? 

Jiena nemmen li bħala Partit dejjem baqa’ viċin tan-nies u dejjem baqa’ jindirizza l-kwistjonijiet tal-mument. Jiġifieri, fejn jekk għandek żmien il-Covid, il-prijoritajiet kienu differenti. Wara l-Covid kien hemm prijoritajiet tal-għoli tal-ħajja kkawżat mill-inflazzjoni u anke minħabba l-gwerer li għaddejjin bħħalissa. Ovvjament iva, imbagħad, hemm gruppi ta’ nies li jistennew aktar mingħandna. Rajna l-kwistjoni tal-caravans li issa sar bdil fid-direzzjoni. Hemm kwistjonijiet diversi fosthom dawk ambjentali fejn nistenna li nkunu aktar sensittivi. 

Jiena noħlom li jkun hemm ħafna aktar spazji, kif fil-fatt saru imma, nemmen li għandna aktar possibbiltà fejn nagħmlu aktar spazji fil-miftuħ. Hemm kwistjonijiet ukoll differenti ta’ dak li jolqot fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies biex il-familji jkunu jistgħu jgawdu lil din Malta tagħna sabiħa u jistennewha li tibqa’ hekk. 

X’inhi r-relazzjoni bejn il-Partit u Gvern? X’inhu l-irwol tal-Partit meta jkollok Gvern Ċentrali tal-istess partit?

Ovvjament meta jkollok partit fil-Gvern, il-Gvern ikun il-mutur li jmexxi r-riformi li huma l-aktar importanti. Però, dan ma jfissirx li l-Partit joqgħod lura ma jagħmel xejn u joqgħod idu f’idu. Anzi, bħala PL dejjem rajna li nibdew aħna li nippromwovu r-riformi u anke meta jiġu l-proposti mill-Gvern, aħna bħala PL inlaqqgħu lill-istrutturi u lin-nies tagħna u noħorġu l-proposti biex aħna nkunu formalment issottomettejna l-viżjoni tagħna. Pereżempju kif għamilniha fost l-oħrajn fl-użu personali tal-kannabis u fl-electronic tagging. 

Il-Partit u l-Gvern huma strutturi separati. Il-Gvern jimplimenta l-manifest elettorali li jkun ħareġ mill-PL. Issa qiegħed jimplimenta l-manifest “Malta Flimkien” li abbażi tiegħu l-poplu Malti u Għawdxi tana l-fiduċja u għalhekk ukoll il-Partit għandu jservi biex il-Gvern ikun dejjem fuq saqajh ħalli jimplimenta dan il-manifest. Fejn hemm bżonn tinġibed ukoll l-attenzjoni li hemm bżonn ta’ aktar intensifikar għax imbagħad, wara ħames snin, trid terġa’ tmur quddiem il-poplu bir-riżultati ta’ li ma nkunux implimentajna il-manifest jew le. 

Fil-fatt dan kien l-ewwel Gvern li għamel unit apposta, saħansitra dekasteru apposta u issa dan anke fi ħdan il-Partit. Din l-istruttura se tintensifika ruħha fejn hemm persuna responsabbli għaliha ħalli naraw li l-manifest ikun implimentat.

Jiġifieri, fi ħdan ir-responsabbiltajiet tal-Partit huwa proprju li jżomm il-kuntatt mad-delegati u mal-persuni tal-kumitati imma anke fuq rigward ta’ policy, mhux li jkun fil-Gvern imma huwa mutur importanti ħafna għall-PL ħalli jkun relevanti għan-nies. Mhuwiex biss watchdog imma huwa wkoll il-mutur li jissuġerixxi lill-Gvern. Ħafna drabi pereżempju rajna riformi ta’ divorzju meta konna fl-Oppożizzjoni li bdew proprju minn fergħa fi ħdan il-PL. Saħansitra kemm-il darba rajna lill-Partit Laburista jkun iktar progressiv u iktar ‘il quddiem fil-ħsibijiet tiegħu mill-Gvern minkejja li jkun Gvern Laburista. 

Għalhekk, ikun hemm mumenti fejn iva, il-Partit u speċjalment internament, ikun aktar voċiferu fuq l-implimentazzjoni tal-manifest u jkun hemm imma mumenti oħrajn fejn saħansitra l-Partit jimbotta aktar tibdiliet. 

F’dan il-proċess li qiegħed isir kien hemm min saħaq li għandu jkun hemm aktar involviment femminili. Il-Gvern daħħal il-kwota fil-Parlament u fl-istrutturi tiegħu ma tgħoddx? 

Il-Gvern ma daħħalx kwoti fil-Parlament imma sistema ta’ mekkaniżmu għal rappreżentanza aktar ugwali. Din importanti li nifhmuha – kull min ġie elett fil-Parlament, qegħdin kollha hemmhekk irrispettivament mis-sess. Li ġara mbagħad sar mekkaniżmu korrettiv biex naslu għal persentaġġ ta’ 40% ħalli jkun hemm rappreżentanza ta’ 40% tas-sess li huwa l-inqas rappreżentat. Jiġifieri, aktar ‘il quddiem jista’ jkun li l-inqas sess rappreżentat ikun dak maskili u dan il-mekkaniżmu jaħdem f’dan is-sens a favur ta’ dan is-sess. 

Dik hija d-differenza bejn kwoti u dan li nieda l-Gvern, użajna u skatta proprju fl-aħħar elezzjoni ġenerali. B’hekk issa għandna parlament aktar rappreżentattiv. Il-PL ilu ħafna jadotta sistema ta’ kwoti. Dan minn qabel ma daħlet is-sistema tal-mekkaniżmu korrettiv fi ħdan il-Parlament Malti. Tul dawn l-aħħar snin ma kellniex għalfejn nużawhom għax awtomtikament in-nies għażlu rappreżentanza li hija ekwa bejn is-sessi. Issa imma għandna anke l-elezzjonijiet tal-eżekuttiv nazzjonali u f’dan l-eżekuttiv ikun hemm sistema ta’ kwoti kemm fir-rigward tan-nisa, kif ukoll fir-rigward taż-żgħażagħ. Dan biex nassiguraw li l-eżekuttiv tal-PL ikun iffurmat u li jkun aktar jirrappreżenta lill-poplu kollu u l-ħsibjiet tiegħu.

Bħala mara u politiku tagħtina kumment dwar il-femiċidju? Dan b’mod partikolari għall-aħħar wieħed ta’ Grixti?

L-ewwel ħaġa… tweġġa’. Dik hija l-verità. Jaqbdek dak is-sens li tħossok ma tista’ tagħmel xejn u meta jiġik id-dubju li s-soċjetà setgħet tagħmel ħafna aktar għal mara, hemmhekk jiddispjaċik. Jiddispjaċini kemm meta tinqatel mara u kemm meta jinqatel raġel imma hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq il-femiċidju. Hemm il-proċeduri għadhom għaddejjin u nħossni li nonqos jekk nitkellem dwar il-każ. Li nista’ ngħid huwa li l-ewwel ħaġa sar tibdil sostanzjali fejn fost l-oħrajn daħlet il-liġi tal-femiċidju u hemm il-fakultà li l-Pulizija tibqa’ tmexxi anke meta l-vittma tirtira l-ilment tagħha. Hemmhekk saru miljoramenti sostanzjali. 

Issa huwa importanti wkoll li min jirċievi dawn ir-rapporti, skont is-setgħa li jkollu differenti, ikun biżżejjed sensittiv u mħarreġ biex jifhem fejn hemm il-periklu. Għal każijiet ta’ vjolenza domestika l-Appoġġ għandhom il-ħaddiema soċjali. Barra minnhekk, fejn ikun hemm sitwazzjonijiet li xi ħadd ikun qiegħed jirrifjuta l-għajnuna, għandna nanalizzaw x’riskju qiegħed ikollu u nanalizzaw jekk hemmx xi metodu li nistgħu nibdlu, x’jista’ jkun. Dan biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu. Għall-inqas biex kemm jista’ jkun, is-soċjetà Maltija tagħmel dak kollu li hu disponibbli għaliha ħalli dawn it-traġedji jitnaqqsu.

Dawn huma traġedji li ħallew tfal orfni għax jispiċċaw b’ommhom taħt it-trab u missierhom il-ħabs u l-ġenituri tal-vittma u anke tal-agressur, imkissrin. Aħna soċjetà viċin ta’ xulxin u għalhekk jiddispjaċini. M’aħniex it-tip ta’ nies li ma nkunux nafu min huma l-ġirien. Toħroġ il-belt jew fil-pjazza tal-lokal u tiltaqa’ ma’ nies li tkun tafhom. Allura nħoss li ċ-ċokon tagħna nistgħu nużawh bħala vantaġġ ħalli nagħmlu ħafna aktar. 

Jiena għandi responsabbiltà ta’ tlett itfal, żewġt ibniet u tifel. Bħala omm inħoss ir-responnsabbiltà li ngħallimhom x’inhuwa aċċettabli u x’mhuwiex. Ngħallimhom ħalli jkunu ppreparati għal meta  jilħqu l-istat tagħhom. L-edukazzjoni li hemm fl-iskejjel hija importanti ħafna. Meta għandek mara li qiegħda tiġi mhedda, probabbilment mhiex qiegħda tifhem x’inhu jiġri eżatt. Dan għax il-vittmi ta’ vjolenza domestika mhumiex biss vittmi ta’ vjolenza fiżika jew vittmi li ma jafux fejn iridu jmorru, jew li mhumiex edukati, imma hemm minnhom avukati. Ir-reati kontra n-nisa jinsabu across the board u għalhekk irridu niġġieldu across the board. Fejn hemm sistemi li huma fis-seħħ u fuq il-karta jidher kollox tajjeb imma mbagħad il-mod kif qegħdin joperaw hemm bżonn li jkunu aktar effiċjenti għax ħafna drabi trid tieħu azzjoni immedjata biex tevita t-traġedja, allura jkun hemm bżonn li noqogħdu madwar mejda b’kulħadd ixammar idejh ħalli naslu għas-soluzzjonijiet.

Il-konsegwenzi legali għal vjolenza domestika jimxu skont il-livell ta’ kemm tkun saret ħsara fuq il-vittma. Nemmen li l-liġi fir-rigward hija tajba. Jiġifieri dan il-Gvern għamel l-aggravanti tal-femiċidju u l-qorti mbagħad fid-diskrezzjoni tagħha tara xi jkun hemm. Allaħares inneħħu d-diskrezzjoni tal-qrati. Però jiena qiegħda ngħid, ejja naħdmu biex nevitaw li naslu s’hemm. Dik l-importanti. 

Importanti li min wettaq ir-reat jiffaċċja l-aktar konsegwenzi possibbli. Però, huwa importanti aktar li nevitaw ir-reat u fejn għandna karattri li huma ta’ periklu li jekk ikomplu għaddejjin joħolqu traġedja, dawn ikollhom l-għajnuna tagħhom ħalli jiġi evitat li jseħħu dawn it-traġedji. Jekk persuna huwa ta’ periklu għandu jkun immonitorjat u ma jistax jitħalla li jagħmel ħsara lil persuna oħra. Biex ikun hemm protezzjoni, huwa importanti li meta mara tmur għall-għajnuna jew iċċempel, din tittieħed mill-ewwel f’post li huwa privat fejn tista’ tagħmel ir-rapport tagħha, fejn tista’ b’mod intimu tirrakkonta minn xhiex għaddiet u jkun hemm il-persuni professjonali li jiggwidawha fuq il-passi li jwasslu biex hija tħossha sigura. Dan għax kulħadd għandu d-dritt li jgħix b’mod sigur.    

Xtaqna nistaqsuk x’taħseb dwar is-sitwazzjoni tal-libelli f’Malta? 

Bħala persuna li kemm jiena, kif ukoll nies oħra, kienu vittmi ta’ attakki permezz tal-midja nemmen li wasal iż-żmien li nerġgħu niftħu diskussjoni. L-ammont li persuna teħel jekk tinstab ħatja ta’ libell ilu l-istess għall-ħafna snin. B’hekk naħseb li wasal iż-żmien li naraw jekk hemmx il-ħtieġa li tinbidel il-liġi. Jiena nemmen li wasal iż-żmien li din tinbidel u fuq kollox nemmen li hemm bżonn ta’ standards.

Dan ifisser li jekk jiena għandi storja fuq xi ħadd, ejja nagħmluha konformi mal-liġi. Ħadd mhuwa se jgħidlek biex ma tagħmilhiex l-istorja però, għandek lil dak li jkun għall-inqas iċċempillu u jagħtik reazzjoni. Imbagħad toħroġ l-istorja. Jekk ma jagħtikx, din toħroġ xorta. 

Hemm żewġ punti – li jkun hemm standards bażiċi ta’ kif jiġu ppubblikati stejjer fuq in-nies u hemm bżonn ukoll li min jinstab ħati li wettaq libell u lanqas ipprova jivverifika l-fatti, jiffaċċja l-ġustizzja b’mod li huwa sura. Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq stejjer li jkissru familji, ikissru negozji, ikissru l-ħajja u l-privatezza ta’ persuni. Ngħid dan b’responsabbiltà għax rajt nies madwari jitkissru u bħala President tal-Partit, kont inkellem nies biex joħorġu għall-elezzjoni u jirrifjutaw għax mhumiex lesti għal tali attakki. Jibżgħu mill-gideb u jgħidu li lanqas ikollhom ċans jirrispondu jew inkella li n-nies ma jemmnuhomx. 

Il-ġurnaliżmu jiena nafu għax hekk bdejt mal-ONE u b’hekk spiċċajt fil-politika. Naf li kulħadd ikun irid l-esklussiva. Kulħadd ikun irid l-istejjer u dan huwa tajjeb. Dak huwa s-sabiħ tal-ġurnaliżmu. Il-ġurnaliżmu huwa kolonna importanti tad-demokrazija tagħna però, bl-istess mod, huwa importanti li meta persuna jkun se jkollha storja ppubblikata fuqha, din tingħata ċ-ċans li tirreplika dik l-istorja jew li tiċħad l-istorja. Ir-right of reply mhuwiex biżżejjed. Qabel tippubblika l-istorja, tini ċans li nagħti r-reazzjoni tiegħi. 

It-tieni jekk din l-istorja hija libelluża, x’jiġifieri l-ammonti tal-libell ilhom snin sħaħ ma jinbidlu? Wasal il-mument ukoll li dawn l-ammonti jiżdiedu. Nifhmu li ġieli tkissru ħajjiet u negozji li huma aktar mill-ammonti stabbiliti bħalissa. Irridu nifhmu li l-valur ta’ ħajja u l-privatezza ta’ persuna, jekk jinstab li artiklu huwa libelluż, huma aktar. Importanti li l-ġurnaliżmu serju għandu jiġi protett imma, fejn għandek ġurnaliżmu li ma kienx serju, anzi li sar b’attentat biex vera ssir il-ħsara, hemmhekk nemmen li wasal il-mument li ssir diskussjoni u kulħadd jgħid tiegħu.

Se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss? Għala?

Bħalissa ħafna qegħdin jistaquni x’se jkun il-kontribut politiku tiegħi. Fadalli l-aħħar ġimgħatejn li huma importanti ħafna għax hemm l-elezzjonijiet li huma responsabbiltà tiegħi li kollox isir b’mod trasparenti u sew. Imbagħad jiġi fi tmiemu l-inkarigu li kien tiegħi ta’ President tal-PL. 

‘Il quddiem qiegħda naħseb kif nista’ nagħti l-kontribut politiku tiegħi. Ideat għandi però rrid nara kif se jiżvolġu dawn l-ideat. Li huwa żgur huwa li jekk ikun hemm opportunità li nkompli nbiddel dan il-pajjiż biex inkompli ngħin lil min għandu bżonn, kif ukoll inkompli nippromwovi l-aġenda progressiva u liberali tal-PL, hemmhekk lili dejjem se ssibuni fuq ta’ quddiem.

F’dan l-istadju nkompli ngħid li qiegħda neżamina fejn huwa l-aħjar post għalija li nkompli għaddejja bix-xogħol li kont għaddejja bih imma issa f’format ftit differenti. 

Sport