Sunday, October 27, 2024

“Se nkompli naħdem għall-ġustizzja soċjali fil-klassijiet kollha tas-soċjetà”

Aqra wkoll

Cressida Galea hijal-iżgħar minn familja ta’ erbgħa. Tħobb iżżomm lilha nnifisha attiva billi tagħmel xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku. Bħal ħafna wkoll, tħobb iżżur pajjiżi oħra u titgħallem minn kulturi differenti li hawn madwarna. Gradwat mill-Università ta’ Malta bi Grad ta’ Masters fl-Ekonomija. 

“Naħdem fis-settur finanzjarju bħala Regulatory Affairs Manager fejn ix-xogħol tiegħi jinvolvi l-monitoraġġ tal-ambjent regolatorju u l-koordinazzjoni ma’ diversi awtoritajiet regolatorji u superviżorji.”

“Mill-isfera politika, sirt attivista fil-Partit Laburista fl-2017 bil-programm LEAD, imniedi mill-Partit Laburista biex iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Parlament Malti. Minn hemm ’il quddiem, komplejt inkun attiva fil-partit sakemm ġejt avviċinata mill-Prim Ministru Robert Abela fejn ħeġġiġni biex nagħti l-kontribut tiegħi fil-Partit Laburista u lin-nazzjon,” qaltilna Galea.

U għaliex għażlet li tidħol fil-politika?

Fl-opinjoni tiegħi, il-politika hija l-pjattaforma li tagħtik l-opportunità sabiex twassal il-messaġġ fuq realtajiet li n-nies ikunu għaddejjin minnhom. Tagħtik il-mezz li tisma’ u tifhem ir-realtajiet sbieħ, u xi kultant anqas sbieħ, li jkunu għaddejjin minnhom in-nies. 

Għalhekk għażilt li nagħti s-sehem tiegħi bħala ċittadina ta’ dan il-pajjiż u noffri l-ħiliet, il-ħin u d-determinazzjoni tiegħi sabiex inservi bl-aktar mod korrett dan il-pajjiż. 

Bil-politika wieħed ikun jista’ jgħin lil ħaddieħor jilħaq l-aspirazzjoni tiegħu. Hemm ħafna deċiżjonijiet li jittieħdu li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u bil-politika wieħed ikun f’pożizzjoni li jagħti sehmu biex jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet u biex jiġu implimentati, u b’hekk wieħed ikun jista’ jagħmel differenza fil-ħajja tal-poplu.

U x’kienet ir-raġuni għaliex iddeċidiet li tikkontesta fuq l-ewwel (1) u fuq it-tmien (8) distrett: 

L-għażla tiegħi tal-ewwel distrett bħala kandidata ġdida kienet waħda naturali għalija għaliex fid-distrett hemm lokalitajiet fejn jiena trabbejt, għext u qattajt il-biċċa l-kbira ta’ żgħożiti. Għalhekk inħoss li għext fost in-numru ta’ diffikultajiet li jiffaċċjaw il-kostitwenti ta’ dan l-istess distrett. 

L-ewwel distrett huwa wieħed mill-akbar distretti li jara konċentrazzjoni ta’ problemi soċjali, li jinkludi problemi ta’ faqar u xogħol; problemi minn aspett ambjentali, li jinkludi problemi ta’ tniġġis fl-arja, kif ukoll nuqqas ta’ spazji miftuħa u rikreattivi fejn il-familji jistgħu jmorru jirrilassaw; problemi fejn tidħol l-edukazzjoni tal-ulied, fejn hemm ukoll rata għolja ta’ assenteiżmu fl-iskejjel. 

Minkejja li sar ħafna sabiex dawn il-lokalitajiet jerġgħu jirriġeneraw lilhom infushom u jindirizzaw l-isfidi li qed jesperjenzaw il-familji tal-ewwel distrett, għad fadal ħafna aktar xi jsir u għalhekk iddeċidejt li nagħti l-kontribut tiegħi sabiex bħala Gvern inkomplu naħdmu biex nindirizzaw dawn l-isfidi. 

Hemm bżonn aktar ħidma sabiex nindirizzaw l-isfida tal-faqar li hemm familji li qegħdin jesperjenzaw, aktar investiment fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ biex inaqqsu r-rata ta’ assenteiżmu, kif ukoll inkomplu ninvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja sabiex il-ħaddiema jkomplu jtejjbu l-impjegabbilità tagħhom. 

Minn aspett ambjentali, hemm bżonn aktar investiment f’żoni partikolari tal-lokalitajiet ta’ dan id-distrett sabiex il-familji jkollhom spazji miftuħa ta’ rikreazzjoni sabiex it-tfal, il-ġenituri, iż-żgħażagħ u l-anzjani jkollhom fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

Hemm bżonn ta’ aktar ħidma sabiex kull familja tgħix f’kundizzjonijiet xierqa u siguri. 

Meta lura f’Mejju ħabbart il-kandidatura tiegħi fuq l-ewwel distrett ma kontx naf kif kienet se twassal għal din l-esperjenza. Hija esperjenza ġdida li qed tgħallimni u tlaqqagħni ma’ ħafna nies li daħlu ġewwa qalbi. 

Wara li għaddew ftit xhur u l-ħidma tiegħi fuq l-ewwel distrett għaddejja b’determinazzjoni kbira, ħassejt li għandi aktar enerġija li nista’ noffri lil dan il-pajjiż. Għaldaqstant, flimkien mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, iddeċidejt li nkompli dan il-vjaġġ u niddedika l-ħin tiegħi fuq it-tmien (8) distrett ukoll. L-għażla ta’ dan id-distrett kienet waħda naturali għalija wkoll għaliex huwa distrett fejn għandi rabtiet familjari u għalhekk inħoss li għandi konnessjoni ma’ dan l-istess distrett. 

Għalhekk ħadt din id-deċiżjoni bħala sfida miegħi nnifsi biex nagħmel ħilti kollha sabiex nibqa’ viċin tan-nies u nservihom b’lealtà. 

Saqsejna lil Cressida x’inhuma l-iktar kwistjonijiet li qed tisma’ dwarhom waqt iż-żjarat tagħha fid-djar tan-nies…

Kien hemm diversi kwistjonijiet li smajt f’dawn l-aħħar xhur. Normalment in-nies jitkellmu fuq esperjenzi jew diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom.

Dawn jinkludu kemm kwistjonijiet fuq livell lokali, li jikkonċerna allura l-kunsilli lokali tal-lokalità rispettiva, u wkoll fuq livell nazzjonali. Kwistjonijiet relatati mal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, mal-ħarsien u drittijiet tal-annimali, mal-ħarsien tal-ambjent, u kwistjonijiet relatati mas-soċjal, fost oħrajn. 

L-impenn tiegħi bħala kandidata huwa li nwassal dawn il-kwistjonijiet lil esponenti tal-partit jew ministeri rispettivi għal diskussjonijiet dwar kif dawn jistgħu  jiġu ndirizzati. 

U Cressida kemm taħseb li hu importanti li żgħażagħ bħalha jipparteċipaw b’mod attiv fil-politika? 

Iż-żgħażagħ huma ċ-ċavetta għal politika u ħajja aħjar ’il quddiem. Iż-żminijiet jinbidlu u magħhom jinbidlu r-realtajiet li jgħaddu minnhom is-soċjetajiet, u għalhekk hemm bżonn li l-ideat ikunu f’konformità ma’ dawn ir-realtajiet sabiex ma nistaġnawx; kemm bħala pajjiż u anke bħala soċjetà.

Li tkun progressiv ma jfissirx li tkun bla prinċipji jew bla valuri, iżda li tkun taf tagħraf id-direzzjoni futura li hemm bżonn li tittieħed. Għalhekk inħeġġeġ aktar żgħażagħ biex jersqu ’l quddiem u jkollhom leħen attiv fir-riformi li pajjiżna qiegħed jieħu sabiex ikompli jiġġedded.

X’inhuma l-isfidi li Malta tista’ taffaċċja fis-snin li ġejjin?

Bħalissa, is-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima huma fost l-ogħla prijoritajiet fuq l-aġenda tal-gvern. Żgur li se tkun ta’ sfida li jintlaħqu l-miri ambjentali li huma stabbiliti fuq livelli nazzjonali u Ewropej fis-snin li ġejjin.

Madankollu, il-gvern huwa kommess li jkompli jaħdem sabiex jikseb il-bilanċ tant meħtieġ bejn il-vijabbiltà ekonomika, il-ħarsien ambjentali u l-ekwità soċjali.

Barra minn hekk, minħabba r-rekord ta’ Malta ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent, u t-transizzjoni diġitali li Malta qed tesperjenza bħalissa, sfida oħra tista’ tkun l-inkapaċità li tiġi indirizzata d-domanda għall-ħaddiema u għall-ħiliet, li tista’ tirriżulta f’nuqqas ta’ ħaddiema bil-ħiliet meħtiega. Il-gvern qed jinvesti fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, li huma kruċjali għal ekonomija aktar kompetittiva u reżiljenti.

U x’se jkunu l-prijoritajiet tagħha jekk tiġi eletta?

Bla dubju, flimkien mal-bqija tal-membri parlamentari, se nkompli naħdem biex niżgura li l-ġustizzja soċjali tinkiseb fil-klassijiet kollha tas-soċjetà. Il-qerda tal-faqar għandha tkun waħda mill-ogħla prijoritajiet, kif ukoll li ngħin lill-klassijiet kollha tas-soċjetà jirnexxu. Dan jista’ jinkiseb billi nkomplu nsaħħu s-suq tax-xogħol u ninvestu fl-unika riżorsa naturali tal-pajjiz: il-poplu tagħna.

Il-kisba ta’ impjieg sħiħ u produttiv se jwassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli li għalhekk jista’ jintuża biex jiġu indirizzati kwistjonijiet soċjali oħra.

L-ibbilanċjar tat-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà ambjentali hija wkoll prijorità oħra għas-snin li ġejjin biex niżguraw li jiġu mħarsa il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Minn aspett ta’ governanza u saltna tad-dritt, ħa nkompli naħdem sabiex verament kulħadd isegwi l-ogħla livell ta’ integrità u governanza tajba, f’kull aspett. 

L-għan hu li Malta tkun minn ta’ quddiem, mhux biss f’termini ta’ ċifri u indiċi ekonomiċi, iżda wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha. Dan jista’ jinkiseb biss jekk iċ-ċittadini kollha jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-ġid komuni jinfirex fost kulħadd.

Jekk intom tagħtuni l-fiduċja tagħkom, jiena nwiegħed li ser inkun qed naqdi lil dan il-pajjiż u lilkom ilkoll bl-ogħla integrità, determinazzjoni u bl-aktar mod diliġenti biex nassigura ħajja ta’ kwalità għal kulħadd.

Il-Partit Laburista wera li l-ħajja taċ-ċittadini u l-livell tal-għajxien huma ta’ prijorità għall-politika li jħaddan u għalhekk inħares ’il quddiem sabiex ningħaqad mat-tim tal-Prim Ministru Robert Abela sabiex dan ikompli jkun assigurat. 

Ejja flimkien naħdmu għal Malta ta’ għada! 

Sport