Malta rebħet il-midalja tad-deheb fil-Kampjonati Mondjali Tal-Parkinson fit-table tennis li sar fil-belt ta’ Pula, fil-Kroazja. Il-Maltin kienu rappreżentati minn Adrian Casha u akkumpanjat mill-kowċ tiegħu Katia Mifsud.
Wara li nhar il-Ħamis li għadda Adrian Casha, flimkien ma’ Marjan Vitanc mis-Slovenja, għelbu lill-Ingilterra, it-tielet tim tal-Ġermanja u l-Awstrija bl-iskor identiku ta’ 3-0, fil-fażi tal-gruppi, huma komplew biex ikkwalifikaw għall-finali meta għelbu l-isfida tal-Iżrael (3-0), ir-Repubblika Ċeka (3-0) u t-tieni tim tal-Ġermanja (3-1).
Fil-finali, li ntlagħbet il-Ħadd li għadda, Casha u Vitanc taw wirja mill-aqwa u għelbu lill-favoriti – il-koppja Ġermaniża Trabalski / Kalkhoff bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0.
Din kienet okkażjoni unika mhux biss għal Adrian Casha iżda wkoll għal Malta li tipparteċipa f’dawn il-kampjonati dinjija.
Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Casha li deher ferm sodisfatt b’dak li rnexxielu jikseb mhux biss għalih personali iżda wkoll għal Malta.
“Kienet emozzjoni unika u kbira li mort hemmhekk nipparteċipa f’kampjonati daqshekk importanti u li fih jipparteċipaw atleti mid-dinja kollha li bħali għandhom il-kundizzjoni tal-Parkinson’s.”
Casha stqarr li xejn anqas minn għoxrin pajjiż ipparteċipaw f’din it-tielet edizzjoni ta’ dawn il-kampjonati wara dawk li saru ġewwa New York u Berlin fis-sentejn li
għaddew.
Adrian Casha żied jgħid li bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tiegħu seta’ jżid dejjem aktar il-kuntatti ma’ pajjiżi barranin u dan se jservih żgur għall-futur. Spjegalna wkoll kif proprju t-table tennis qed jgħinu ħafna fil-kundizzjoni li jinsab fiha.
“L-ewwel u qabel kollox, it-table tennis jgħinek għax iħaddem ħafna ħiliet motorji jew aħjar magħrufa bħala motor skills. Int iċċaqlaq ħafna l-partijiet tal-ġisem u dan jgħin sabiex tissielet kontra din il-kundizzjoni filwaqt li żżomm ruħek fiżikament u anki mentalment attiv.”
“It-tip ta’ Parkinson’s li għandi faċli ħafna li tħallik iġġamjat u għalhekk anki fuq pariri tat-tobba bl-involviment tiegħi fl-isport speċjalment table tennis u anki boxing, qed nagħmel ġid lili nnifsi speċjalment fiżikament u mentalment.”
Adrian Casha qal li hu mhux it-tip ta’ bniedem li jintefa’ fis-sodda u joqgħod jibki xortih iżda xtaq jagħmel xi ħaġa li filwaqt li tkun tajba għalih, fl-istess ħin joħloq kuxjenza fost dawk in-nies li għandhom l-istess kundizzjoni. Fil-fatt f’dawn l-aħħar ġimgħat bdiet titħarreġ magħhom Anna Tabone li wkoll qed tieħu t-table tennis bis-serjeta’.
Casha qal li xortih tajba li għad għandu biss 54 sena u qed jimpenja ruħu sabiex bl-enerġiji kollha li għandu joħloq xi ħaġa ta’ ġid. Apparti li qed jieħu l-mediċina skont il-pariri tat-tobba, ried jagħmel xi ħaġa lil hinn minn dan kollu. Fil-fatt fil-bidu ta’ din is-sena nħolqu ħafna inizjattivi b’kollaborazzjoni ma’ Step Up for Parkinson’s fosthom attivitajiet sportivi li bihom kien hemm ukoll ġbir ta’ fondi għal dan ir-rigward.
Erġajna dawwarna ħarsitna fuq il-kampjonat mondjali li saru fil-belt ta’ Pula fil-Kroazja. Casha jirrakkontalna l-ewwel ġranet hemmhekk.
“Irrid ngħid li għall-bidu ma kontx imdorri nilgħab dan it-tip ta’ sport li bdejtu ftit tax-xhur ilu grazzi għall-kowċ Katia Mifsud. Bil-mod il-mod bdejt nagħmel il-kuraġġ anki jekk ġietni polza iebsa fis-singles tal-irġiel.”
“Irrid ngħid li kien hemm plejers li litteralment kienu jilagħbu dan l-isport b’mod professjonali u għalhekk il-biċċa tax-xogħol ma kinitx daqshekk faċli. Lgħabt diversi partiti fuq xulxin, tlift xi logħbiet fosthom kontra Marjan Vitanc li aktar tard kien ukoll is-sieħeb tiegħi fid-doubles.”
Iżda kif Adrian Casha spiċċa jilgħab ma’ Marjan Vitanc tas-Slovenja fid-doubles?
“Biex ngħidlek il-verita’ ma kontx qed nobsor li atleta ta’ 72 sena bħal Marjan ikun daqshekk tajjeb u b’forma fiżika mill-aqwa. Dan tal-aħħar kellu jkun ma’ partner ieħor iżda għal xi raġuni jew oħra, dan kien ma jiflaħx u allura ma kellux ma min jilgħab fil-kategorija tad-doubles. Kien għalhekk li ġejt avviċinat mingħandu sabiex niffurmaw dwett flimkien.”
Casha qal li Marjan Vitanc ma kienx jaf jitkellem kelma bl-Ingliż u għalhekk ma kinitx xi ħaġa faċli li jikkomunika sew miegħu. Iżda grazzi għall-familjari tiegħu mis-Slovenja rnexxielhom jkunu ferm tajbin u ftiehmu sew.
It-tnejn li huma mtlew bil-kuraġġ hekk kif bdew jiftiehmu l-aktar fuq it-teknika li bdew jużaw.
“Jien kont tajjeb fil-backhand, fejn kelli paletta speċjalizzata għalija personali sabiex inkun nista’ nagħti l-kolp it-tajjeb. Min-naħa tiegħu, Marjan kien iktar speċjalizzat fuq il-forehand u għalhekk verament konna qed nikkumplimentaw lil xulxin.”
Hu jgħid li waslu fil-fażi tal-aħħar 16, ir-rebħ baqa’ ġej tant li rebħu lill-Iżrael 3-0, lir-Repubblika Ċeka 3-0 u lill-Ġermanja 3-1 wara li konna set minn taħt.
Fil-finali Casha qal li ħarġitilhom logħba ferm tajba u din xprunathom għar-rebħa finali.
Casha sostna l-organizzaturi Kroati faħħru sew il-progress tiegħu u baqgħu impressjonati bil-livell li kellu minkejja li għadu kif beda dan l-isport ftit tax-xhur ilu. Kien hemm ukoll min ma kienx jaf fejn hi Malta u l-fatt li waslu s’hawn kien verament xi ħaġa ta’ barra minn hawn.
Finalment Adrian Casha qal li se jkompli jaħdem qatigħ sabiex tiżdied aktar il-kuxjenza dwar il-kundizzjoni tal-Parkinson’s. Fil-fatt se ssir maratona ġbir ta’ fondi nhar is-Sibt 5 ta’ Novembru li se tixxandar ukoll fuq l-istazzjonijiet ewlenin Maltin. L-għan huwa li f’pajjiżna jkollna Ċentru tal-Parkinson li joffri kura speċjalizzata u jkollu parti minnu fejn persuni b’din il-kundizzjoni jistgħu jipprattikaw sport bħalma huwa t-table tennis li jservi ta’ benefiċċju għal saħħithom.