Saturday, January 17, 2026

“Se nkomplu nirsistu biex insaħħu r-relazzjonijiet bilaterali tagħna”

- il-President Myriam Spiteri Debono

Aqra wkoll

“Fis-sena l-ġdida, ser inkomplu nirsistu sabiex insaħħu r-relazzjonijiet bilaterali tagħna u nesploraw toroq ġodda ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi differenti u li jaqsmu l-istess rieda tagħna. Matul is-sena li għaddiet, din l-ambizzjoni kienet riflessa permezz ta’ żjarat ta’ livell għoli, żjarat li wittew it-triq għall-konsultazzjonijiet politiċi u l-iffirmar ta’ ftehim bilaterali ġodda.”

Qalet dan il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono f’diskors li għamlet ilbieraħ waqt l-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida mal-Korp tal-Konsli Onorarji. Hija bdiet billi rringrazzjathom tax-xogħol siewi li wettqu fl-aħħar 12-il xahar u qalet li l-ħidma tagħhom għandha impatt dirett fuq ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-pajjiżi li jirrappreżentaw. 

Il-President Spiteri Debono qalet li “x-xogħol tagħna fuq il-livell multilaterali wkoll baqa’ miexi b’pass tajjeb. Bejn Mejju u Novembru, Malta kellha l-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn tajna prijorità lill-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, id-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza, is-saltna tad-dritt u fuq kollox, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.”

“Iż-żewġ żjarat tiegħi ġewwa Strasburgu, li matulhom indirizzajt l-Assemblea Parlamentari u l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, kienu wkoll intiżi sabiex jenfasizzaw l-impenn ta’ Malta fil-promozzjoni ta’ dawn il-valuri,” qalet il-President. 

Sadanittant, hija nnotat li qegħdin naffaċċjaw ambjent globali mmarkat minn kunflitt, tensjonijiet ġeopolitiċi u sfidi li dejjem qegħdin jikbru għal-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem. 

Tkellmet fost oħrajn dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-aggressjoni illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna waqt li qalet li l-iżviluppi riċenti fil-Venezwela u kriżijiet oħra li għaddejjin madwar l-Afrika u bnadi oħra li jenfasizzaw il-fraġilità tan-normi internazzjonali u l-ħtieġa għal tmexxija responsabbli, meqjusa, u li tiffavorixxi d-djalogu.

Minbarra l-isfidi ġeopolitici hemm sfidi globali oħra li qed ikomplu jikbru. “It-tibdil fil-klima qed tintensifika l-insigurtà u l-ispostament tal-persuni. Bl-istess mod, l-immigrazzjoni irregolari teħtieġ ukoll sforzi konġunti biex jiġi żgurat li l-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu, u ta’ destinazzjoni ma jitħallewx jiffaċċjaw din il-kwistjoni tant delikata b’mod iżolat. Iridu jinżammu proċessi multilaterali biex jippromwovu l-immigrazzjoni sigura, ordnata, u regolari, filwaqt li l-umanità tal-immigranti trid dejjem tkun fiċ-ċentru tal-kunsiderazzjonijiet tagħna.”

“Teknoloġiji emerġenti, mill-kapaċitajiet ċibernetiċi sal-intelliġenza artifiċjali, jeħtieġu qafas ta’ governanza robusti li jissalvagwardjaw il-fiduċja, is-sigurtà, u d-drittijiet tal-bniedem.

“Dawn ir-realtajiet juru l-ħtieġa kontinwa li ninvestu fid-diplomazija, fid-djalogu, u fl-istituzzjonijiet li jappoġġjaw ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim. Dinja mmexxija mill-forza, aktar milli mill-prinċipji, tkun ta’ dannu għall-pajjiżi kollha, u speċjalment għall-istati żgħar.

“Għalhekk, irridu nibqgħu nosservaw u niddefendu bis-sħiħ il-valuri tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema multilaterali tagħna matul l-2026.

“L-istorja wriet li meta id-drittijiet tal-bniedem, l-inklużjoni, u l-ftehim jiggwidaw l-azzjonijiet tagħna, il-paċi u l-prosperità jiffjorixxu,” temmet tgħid il-President Spiteri Debono. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport