“Se nkomplu nisimgħu u nġibu l-aqwa riforma fl-ippjanar.” Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela f’intervent telefoniku fuq One.
Il-Prim Ministru qal li d-domanda ewlenija li trid tiġi mwieġba hija jekk kienx hemm il-ħtieġa li ssir ir-riforma fl-Ippjanar… “Ir-risposta għal dik id-domanda hija waħda ċara… ċertament li iva,” tenna l-Prim Ministru.
Hu kompla jgħid li jekk wieħed jara l-liġi tal-ippjanar x’riżultati tat f’dawn l-aħħar snin “ngħid li kienu riżultati b’inċertezza u b’nuqqas ta’ dixxiplina. Hemm diversi raġunijiet għaliex seħħ dan, iżda l-policies mhux dejjem kienu jikkonfromaw mal-pjanijiet lokali,” kompla jgħid il-kelliem filwaqt li stqarr li dan beda jwassal għal sitwazzjonijiet ta’ frustrazzjoni kemm minn ikun qiegħed joġġezzjoni u anke min ikun qiegħed japplika għall-permessi.
Abela qal li hu jemmen li meta liġi ma tipprovdix dik iċ-ċertezza allura tkun liġi ħażina.
Waqt li kien qiegħed jitkellem fuq One, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista saħaq li l-proċess ta’ djalogu għandu jsir ukoll fil-Parlament. “Għadna f’dan l-istadju li kulħadd jista’ jitkellem dwarhom dawn l-abbozzi,” saħaq Dr Abela.
Hu kompla jgħid li sal-lum għadna sitwazzjoni fejn permess li jkun inħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar għadu suġġett għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Riviżjoni u anke fuq punt ta’ liġi quddiem il-Qorti tal-Appell. Qal li s-sitwazzjoni kif inhi llum minn dakinhar li jinħareġ il-permess ta’ żvilupp, dak li nħariġlu l-permess jista’ jiżviluppa.
“U dan minkejja li jista’ jkun hemm appelli pendenti, imma fl-istess waqt l-iżviluppatur jista’ jiddeċiedi li jibqa’ għaddej għax il-liġi tagħtih dak id-dritt. Jista’ jiġri li jinqata’ l-appell u dan iwaqqa’ dak il-permess, iżda fl-istess ħin din il-binja tkun laħqet inbniet,” kompla jispjega l-Prim Ministru Abela dwar ir-riforma proposta dwar l-Ippjanar filwaqt li tenna li dawn l-affarijiet huma sitwazzjonijiet li ġraw f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru kompla jgħid li permezz ta’ din ir-riforma, sakemm jinqata’ l-appell, l-iżviluppatur għalkemm ikollu l-permess f’idejh ma jkunx jista’ jibda x-xogħol.
Meta kompla jitkellmu dwar ir-riforma fl-Ippjanar, il-Prim Ministru qal li l-Gvern ħareġ avviż legali biex jirregola s-sitwazzjonijiet ta’ binijiet fosthom anke kmamar żgħar li nbew fl-għelieqi, u kull żvilupp ieħor li sar bejn 15-il sena u 30 sena ilu. Saħaq li kien hemm minnhom li saru mingħajr permess.
“Kelli għażla, stajt nagħmel kif sar f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin u nagħlaq għajnejja u nħalli din il-problema taħt it-tapit imbagħad xi darba jara ħaddieħor, jew inkella nieħdu azzjoni. Ma nemminx li jekk tħalli l-affarijiet taħt it-tapit imbagħad jaraw ta’ warajk huwa stil ta’ tmexxija b’saħħtiha,” kompla jgħid il-Prim Ministru Abela filwaqt li sostna li t-tmexxija tal-Gvern li jmexxu hu tara li jekk il-pajjiż għandu realtà u sezzjoni mill-poplu għandha realtà quddiemha “mela ejja ħalli nindirizzawha.”
Matul l-intervent telefoniku, il-Prim Ministru spjega li din ir-riforma se ssir b’mod bilanċjat. Saħaq li wieħed irid jirrikonoxxi li min għandu dawn it-tip ta’ binijiet huma kollha pensjonanti.
“Biex tkun tista’ jew tirregolarizza jew biex tinħariġlek konċessjoni fuq dawk il-proprjetajiet se jkun hemm ħlas ta’ miżata li l-flus miġburin minn dawn il-miżati se jmorru fuq proġetti ambjentali li minnhom se tgawdi s-soċjetà kollha. Allura dawn il-flus miġburin se jiġu investiti fil-ġid komuni,” kompla jgħid Dr Abela.
Saħaq li din ir-riforma se tkun qiegħda ssir biex nagħtu serħan il-moħħ lil kulħadd biex inkunu raġjonevoli ma’ kulħadd. Qal li kull min se jkollu jħallas dawn il-miżati se jkunu ppjanati biex kulħadd ilaħħaq magħhom b’mod komdu. Il-pagamenti jkunu mqassma fuq medda ta’ snin, “però fuq kollox se nagħtuhom is-serħan il-moħħ li mhux se jkollhom problemi li se jħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.”
Irrefera wkoll għal kritika li qiegħda ssir li ma kienx hemm konsultazzjoni, iżda l-Prim Ministru fakkar li dan hu proċess li ilu għaddej mill-2023.
Qal li l-Gvern ressaq abbozzi fil-Parlament li għad iridu jiġu diskussi fil-kamra tar-rappreżentatni. “Morna wkoll fi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u l-poplu jrid jagħti l-proposti tiegħu dwar dawn l-abbozzi,” qal il-Prim Ministru filwaqt li reġa’ semma li ġie mwaqqaf working groupp tal-kabinett tal-Ministri fejn se jsiru laqgħat ma’ stakeholders speċifiċi.
Il-Prim Ministru qal li hekk kif il-Parlament jerġa’ jibda jiltaqa’ wara l-vaganzi tas-sajf se tibda d-diskussjoni dwar dawn l-abbozzi biex “nagħmlu din ir-riforma tant meħtieġa li tagħmel ġieħ lill-pajjiżna u ngħidu li għall-ewwel darba pajjiżna jkollu liġi tal-Ippjanar li hi waħda li toffri d-dixxiplina u ċ-ċertezza.