Ilbieraħ ħarġet l-aħbar li żewġt irġiel ġew immultati €250 kull wieħed wara li nhar il-Ħamis 17 ta’ Frar 2022 instabu ħatja separatament illi għamlu użu minn kopji ta’ Blue Badges li kienu nħarġu lill-ġenituri tagħhom.
F’reazzjoni ma’ dan is-sit, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Organizzazzjonijiet Volontarji Julia Farrugia Portelli qalet li matul is-snin li għaddew, il-Gvern Malti kompla jinvesti l-ħin u r-riżorsi sabiex is-CRPD taqdi l-funzjonijiet tagħha ta’ Regolatur fis-settur tad-diżabilità b’mod aktar b’saħħtu.
“Dan għamilnieh billi ċaqlaqna servizzi mingħand is-CRPD għal aġenzija nazzjonali tas-servizzi, l-Aġenzija Sapport; u permezz ta’ liġijiet ġodda (l-Att dwar il-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà tal-Ġnus Magħquda, Kap. 627) u emendi fl-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) (Kap 413) li komplew jagħtu setgħat ġodda lill-istess Kummissjoni.”
“Dawn iż-żewġ rebħiet għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà huma frott din it-trasformazzjoni fis-settur tad-diżabilità. Issa li s-servizz tal-blue badge se jgħaddi għand l-Aġenzija Sapport, is-CRPD se ssaħħaħ l-id tagħha tal-infurzar biex tkompli tkun viġilanti fuq abbużi,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan stqarret illi, “dawn iż-żewġ sentenzi jawguraw tajjeb għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità għaliex is-soċjetà Maltija, inkluż permezz tal-ġustizzja, qiegħda tifhem aktar l-importanza li l-persuni b’diżabilità jkunu rispettati u meqjusa bħala ċittadini ndaqs u li ma jintużawx bħala paraventu biex wieħed jikseb xi vantaġġ mis-sitwazzjoni tagħhom. Nixtieq nirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija tal-koperazzjoni mas-CRPD fejn flimkien qed jirnexxilna nnaqqsu l-abbuż mill-użu tal-Blue Badge”.