Id-Direttur għad-Difiża u s-Sigurtà Internazzjonali fil-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Stephen Lillie, f’intervent waqt l-OSCE ipponta subgħajh lejn ir-Russja u akkuża li kienet hi li nediet attakki ċibernetiċi fuq infrastruttura kritika. Qal li kienet ir-Russja li imblukkat it-tmexxija bla xkiel għall-Forum għall-Kooperazzjoni u s-Sigurtà u li dgħajfet il-funzjonament effettiv tal-OSCE.
Stephen Lillie beda l-intervent tiegħu billi qal li “grazzi lil Malta talli ilqajtuna u talli kontu ta’ ispirazzjoni u bi tmexxija għaqlija matul is-sena 2024 fil-Presidenza tal-OSCE. Kważi nofs seklu ilu, ġie adottat l-Att Finali ta’ Ħelsinki, li issiġilla l-prinċipji ewlenin tal-paċi, is-sovranità u l-kooperazzjoni fost in-nazzjonijiet”.
“Kien mument importanti fis-sigurtà Ewro-Atlantika. Madankollu, hekk kif qegħdin noqorbu lejn il-50 anniversarju, dan it-tragward jinsab mhedded mill-vjolazzjonijiet tar-Russa ta’ kull prinċipji li huma stess iffirmaw u qablu dwarhom. L-invażjoni illegali tar-Russja fl-Ukrajna tikser direttament l-Att Finali ta’ Ħelsinki, u ddgħajjef il-valuri tal-libertà, id-demokrazija u s-sigurtà kollettiva. Fl-istess ħin, ir-repressjoni tar-Russja għas-soċjetà ċivili, tal-midja indipendenti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-fruntieri tagħha stess tikser il-prinċipji ewlenin tal-istess OSCE.”
Ikompli jgħid li “sfortunatament, in-nuqqas ta’ rispett tar-Russja għall-prinċipji ta’ Ħelsinki jestendi lil hinn mill-aggressjoni tagħha fl-Ukrajna. Rajna lir-Russja tniedi attakki ċibernetiċi fuq infrastruttura kritika, u tidħol f’kampanji ta’ interferenza, inkluż fl-elezzjonijiet. Hija r-Russja li mblukkat it-tmexxija bla xkiel tal-Forum għall-Kooperazzjoni tas-Sigurtà”.
“Hija r-Russja li mblukkat il-Laqgħa annwali tad-Dimensjoni Umana. U hija r-Russja li dgħajfet il-funzjonament effettiv tal-OSCE nnifisha, billi waqqfet għal kollox deċiżjonijiet tekniċi, u tefgħet il-ħabs illegalment membri tal-staff tal-OSCE.”
Kompla jgħid li “aħna se nkomplu nużaw l-OSCE bħala pjattaforma biex nenfasizzaw in-nuqqas ta’ rispett tar-Russja għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u se nibqgħu magħqudin mal-alleati tagħna fl-appoġġ bla waqfien għall-Ukrajna.”
“Qegħdin noqorbu għal dan il-punt importanti ta’ 50 sena. Irridu nkunu b’saħħitna aktar minn qatt qabel fl-impenn tagħna li nħarsu l-prinċipji tal-OSCE. F’dan il-kuntest, aħna kkundannajna l-użu kontinwu ta’ forza brutali u eċċessiva kontra d-dimostranti u l-ġurnalisti fil-Ġeorġja. Irridu niżguraw ukoll li l-OSCE iżżomm il-pass ma’ ambjent ta’ sigurtà li qed jinbidel, inklużi l-isfidi tad-diżinformazzjoni diġitali sponsorjata mill-iStat u r-rigress demokratiku. Ir-Renju Unit se jmexxi ‘l quddiem din l-aġenda meta nieħdu l-President tal-Kumitat tas-Sigurtà f’isem il-Finlandja s-sena d-dieħla.”
Itemm jgħid li “fl-aħħarnett, ippermettuli nsellem il-ħidma sfiqa ta’ Malta matul din is-sena biex tiġi żgurata l-effettività tal-OSCE”.