Saturday, December 21, 2024

“Se nkomplu nvaraw aktar skemi biex naraw li aktar nies isiru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba”

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes

Aqra wkoll

Illum ittellgħet il-konferenza ‘Youths in Housing’ mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ fejn matulha ngħata spazju liż-żgħażagħ biex isemmgħu leħinhom fuq ir-realtà li jesperjenzaw fis-suq tal-proprjetà, filwaqt li tat lok għal diskussjoni bbażata fuq studji varji li ġew ippreżentati minn riċerkaturi differenti fuq is-suġġett.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, fetaħ din il-konferenza, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, fejn saħaq fuq l-importanza li kontinwament ikun hemm djalogu maż-żgħażagħ biex titfassal politika li verament tindirizza l-isfidi.

“Ilna għal diversi xhur insegwu l-figuri u nagħmlu l-istudji tagħna biex nifhmu aktar l-isfidi li jeżistu fejn tidħol l-affordabbiltà. Fl-aħħar leġiżlatura nedejna diversi skemi biex ngħinu aktar nies isiru sidien ta’ darhom u se nkomplu nvaraw aktar skemi biex naraw li aktar nies, partikolarment żgħażagħ, isiru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba,” sostna l-Ministru Galdes.


Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes

Huwa spjega li matul dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fil-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-banek lokali u dan bil-għan li jifhmu aktar kif qed jinbidel is-suq. Huwa sostna li fejn qabel il-maġġoranza tal-klijenti tal-banek kienu jkunu koppji, illum qed naraw realtà differenti fejn il-maġġoranza tal-klijenti qed ikunu persuni waħedhom li javviċinaw il-banek biex jaċċessaw self u jsiru sidien ta’ darhom. Kompla li l-età ta’ ħafna individwi li qed jersqu lejn il-banek qed tkun dik ta’ madwar 30 sena jew aktar.

Il-Ministru sostna li huwa inkorraġanti l-fatt li mat-80% tal-households Maltin huma sidien ta’ darhom, figura li tfisser li t-tisħiħ tal-valur huwa fl-interess tal-maġġoranza assoluta tal-Maltin. Huwa kompla li fl-aħħar snin ir-rata tal-first-time buyers baqgħet kostanti. 

“Din il-konferenza hija pass importanti ’l quddiem u f’qasir żmien se nkunu qegħdin inniedu aktar miżuri biex tkompli tiġi indirizzata l-affordabbiltà għaliex nemmnu li kulħadd għandu dritt li jkollu dar adegwata fejn jgħix,” temm jgħid il-Ministru Galdes.

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, saħaq kemm is-suġġett tal-‘Youth in Housing’ huwa wieħed importanti ferm u li bħala Gvern impenjati li jagħtuh aktar importanza sabiex jifhmu aħjar x’inhuma l-isfidi, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

“Ix-xewqa ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa hija dik li wara ċertu żmien ikollhom l-indipendenza u jkollhom l-post tagħhom. Ilkoll għaddejna minn dan iż-żmien li jġib miegħu ċertu sagrifiċċji, b’mod partikolari fil-bidu ta’ dan il-vjaġġ. Vjaġġ li kull ma jmur qiegħed jinbidel, anke fid-dawl tar-realtajiet ġodda li qed ngħixu fihom,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

Ekonomija

Sport