Saturday, December 21, 2024

“Se nkunu l-ewwel Protezzjoni Ċivili fid-dinja li nagħmlu użu minn dan il-materjal state of the art”

- id-Direttur Ġenerali tas-CPD Peter Paul Coleiro

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Ma ninsewx li l-motto tagħna  huwa ‘insalvaw u nipproteġu”. Aħna f’kwalunkwe sitwazzjoni meta noħorġu ħafna mid-drabi nkunu qed inpoġġu ħajjitna fil-periklu biex insalvaw lil dak li jkun. Ovvjament meta jkollok tagħmir huwa dejjem aħjar u għalhekk infakkar li se nkunu aħna l-ewwel Protezzjoni Ċivili fid-dinja li se nagħmlu użu minn dan il-materjal state of the art, li bih se nkunu f’pożizzjoni aħjar illli nsalvaw il-ħajja tan-nies, fejn qabel forsi stajna naslu sa ċertu livell, issa nistgħu dik il-ftit iktar”

Dan qalu d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro f’kummenti ma’ dan is-sit fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar investiment li permezz tiegħu ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili se jingħataw fire suits u immersion suits aktar siguri, u aktar addatati għall-klima ta’ pajjiżna, sabiex jaqdu l-ħidma tagħhom aħjar. Dan sabiex pajjiżna jkun aktar preparat f’każ ta’ bżonn.

Ma’ dan is-sit, Coleiro kompla jispjegalna li dan l-investiment huwa importanti ħafna, minħabba li pumpier biex jaħdem b’mod effettiv, dan għandu bżonn it-tagħmir flimkien mat-taħriġ, minbarra li għandu bżonn ukoll l-ilbies protetttiv, li huma l-‘fire suits’ li jilqaw is-sħana min-nirien u l-perikli. 

Qal ukoll; “Bl-investiment illi sar, issa għandna materjal li huwa superjuri, li huma 35% eħfef u li l-performace tagħhom fin-nirien hija iktar aħja. Allura issa pumpier jista’ jaħdem iktar komdu. Barra minn hekk jekk pumpier jiġi kkontaminat b’affarijiet tossiċi jew xi duħħan u mugrufun, se tidher iktar fuq l-uniformi u allura inkunu nistgħu nipproteġu saħħitna aħjar. Barra minn hekk, is-suit innifisha turi li l-pumpier ikun dieħel fis-sħanat anke dawk eċċessivi”.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, preżenti kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, li elenka l-prijoritajiet tal-investiment li se jsir fil-Protezzjoni Ċivili li hija ħolqa ewlenija fil-katina li ssostni s-sigurtà tas-soċjetà tagħna. 

Il-Ministru Camilleri ħabbar li mis-sena d-dieħla l-gvern se jkun qed jinnegozja mal-unjins tal-ħaddiema ftehim settorali ġdid għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. “Dan huwa l-pass li jmiss wara li l-Gvern għaraf is-servizz ta’ dan id-dipartiment bħala korp dixxiplinat u tahom 25 servizz. Għall-ewwel darba tahom id-dritt li jitħallsu tas-sigħat kollha li jaħdmu, allowances u inċentivi għal progress fil-karriera kif ukoll aktar opportunitajiet ta’ taħriġ,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru qal ukoll li minn ftit aktar minn 130 ħaddiem tnax-il sena ilu, dan id-dipartiment issaħħaħ għal 375 ħaddiem dis-sena, b’50 rekluta oħra jitħarrġu biex jissieħbu fid-dipartiment.

Il-Ministru Camilleri elenka t-tisħiħ tal-infrastruttura tal-protezzjoni ċivili fosthom l-estensjoni tal-istazzjon tax-Xemxija u dak marittimu filwaqt li għaddej ix-xogħol għal stazzjon ġdid fil-Furjana u ieħor f’Baħar iċ-Ċagħaq. Għas-sena d-dieħla d-dipartiment se jżid aktar il-vetturi speċjalizzati biex jikkontrollaw nirien industrijali, domestiċi u dawk HAZMAT.

Fl-istess waqt qed jitlesta proġett ta’ 40 CCTV fuq vetturi tat-tifi tan-nar li se jwasslu biex uffiċjali fil-kamra tal-kontroll ikollhom viżibbilità akbar fuq inċident u jkunu jistgħu jiddeċiedu aktar malajr kif tingħata l-għajnuna.

Huwa qal li l-Gvern jista’ jagħti serħan il-moħħ li l-investiment se jissokta grazzi wkoll għan-nefqa b’saħħitha allokata fil-budget għas-sena d-dieħla lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-Ministru Camilleri qal li n-nefqa maħsuba fil-budget għal Protezzjoni Ċivili tabilħaqq turi l-prijorità tal-Gvern li jkompli jsostni l-investiment materjali u tar-riżors uman f’dan id-dipartiment u daqstant ieħor fil-kwalità tal-ħajja tan-nies li d-dipartiment jistinka biex isalva u jipproteġi.

Ekonomija

Sport