“Lura mill-Vjaġġ Appostoliku, nixtieq nirringrazzjak tal-impenn kbir waqt it-tħejjijiet taż-Żjara tiegħi. Insellem ukoll lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa, u l-lajċi li ħadmu flimkien”. Qal dan il-Papa Franġisku f’messaġġ ta’ ringrazzjament lill-Arċisqof Charles Jude Scicluna u lill-poplu Malti.
Huwa kompla biex jirringrazzja lill-Arċisqof Scicluna tal-merħba sabiħa, l-ospitalità u l-ġenerożità u tenna li se jibqa’ jgħożż l-umanità u l-umoriżmu tiegħu, kif ukoll l-imħabba li wrieh fiż-żjara tiegħu f’pajjiżna.
Il-Papa żied jittama li l-Mulej jagħti d-don tal-vokazzjonijiet u jippremjahom għall-kura li jagħtu bi mħabba lis-saċerdoti anzjani. Qal ukoll li se jżommhom fit-talb tiegħu u talab li jsir listess min-naħa tagħhom.