Il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista li kellu fuq One tkellem fl-isfont tal-ewwel sentenza tax-xorta tagħha li ngħatat fil-jiem li għaddew mill-Qorti meta omm prospettiva ta’ 28 sena ngħatat sentenza sospiża ta’ ħabs, deċiżjoni li jaf ikollha impatt fuq każijiet oħra simili li jistgħu jseħħu fiż-żmien li ġej. Spjega li l-Gvern ikun qed jonqos jekk ma jagħmel xejn fil-konfront ta’ dawn l-ommijiet prospettivi li jaf ikollhom konsegwenzi mediċi serji jekk jikkommettu abort, għax ma jieħdux kura medika minħabba biża’ li jiġu rrappurtati u jispiċċaw il-Qorti.
Il-Prim Ministru qal li l-emenda li mistennija titressaq mill-Gvern se tara li tabib jikseb il-kunsens tal-pazjenta qabel jirrapporta l-każ, u ċċara li fl-ebda ħin mhu se tkun qed issir xi riforma fil-liġi tal-abort. Saħaq li qabel isseħħ xi fatalità, il-Gvern irid jilqa’ għar-realtajiet li l-omm tipproteġi saħħitha, mingħajr il-ħtieġa li jkollha tagħżel bejn saħħitha stess u l-libertà tagħha.
Il-Prim Ministru qal ukoll illi l-Gvern bl-ebda mod mhu se jmiss il-liġi tal-abort u lanqas il-liġi li tirregola l-projbizzjoni tiegħu f’pajjiżna.