Thursday, October 31, 2024

“Se ssir ġustizzja mas-suldati tagħna”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid dan Theo Vella f’isem il-GWU fl-isfond tal-ftehim kollettiv li se jiġi iffirmat aktar tard dan ix-xahar għall-ħaddiema tal-Forzi Armati

Miktub minn MARIA AZZOPARDI, Filmat: ALAN SALIBA

“Nemmnu li se ssir ġustizzja mas-suldati tagħna u se jingħata valur għall-ħidma tagħhom.” Hekk qal is-Segretarju tat-Taqsima GWU Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi Theo Vella f’kummenti ma’ inewsmalta hekk kif ftit tal-jiem ilu fil-Parlament il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi Byron Camilleri ħabbar li se jiġi iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Forzi Armati.

Fil-fatt, wara qbil bejn il-General Workers’ Union (GWU) u l-Gvern, dan il-ftehim mistenni jiġi iffirmat aktar tard dan ix-xahar, liema ftehim se jaffettwa 11-il grad differenti.

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi Theo Vella laqa’ din l-aħbar b’sofisfazzjon filwaqt li spjega li bħala Union kienu ilhom għaddejjin bid-diskussjonijiet għal aktar minn sentejn u wara l-ħatra tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi Byron Camilleri, dawn id-diskussjonijiet intensifikaw.

Vella qal li dan il-ftehim kollettiv se jfisser spinta sostanzjali għall-ħaddiema u se jġib miegħu numru ta’ benefiċċji għall-ħaddiema. Huwa qal: “Ilna aktar minn sentejn li ressaqna l-proposti tagħna u l-proposti li konna ressaqna kienu jikkonsistu kemm f’żidiet fis-salarju bażiku, kemm żidiet fl-allowances u allowances ġodda, kif ukoll żieda fis-Sunday premiums ta’ dawn is-suldati.”

Vella żied jgħid li l-kundizzjonijiet ta’ dawn is-suldati ilhom jaqgħu lura snin twal u għaldaqstant bilfors kellhom jagħtu injezzjoni pjuttost qawwija. Fuq dan ir-rigward anke l-Ministru Camilleri ftit tal-jiem ilu stqarr li s-suldati kien ilhom snin twal jitolbu li jkollhom il-kundizzjonijiet imtejba u nsista li anke jekk ninsabu f’nofs pandemija, il-Gvern baqa’ determinat li dawn il-kundizzjonijiet itejjibhom.

Vella nnota li, “Minkejja li bħal kull negozjati oħra ma ġibnix kollox kif riedna aħna, il-maġġoranza assoluta tal-proposti ġew milqugħa. Fl-aħħar jiem iffinalizzajna xi klawsoli u nista’ ngħid li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-GWU li konna parteċipi.  Nirringrazzja b’mod partikolari lill-membri, iżda l-membri tal-kumitat li kontinwament jissieltu biex iressqu l-argumenti, u fassalna l-proposti biex fl-aħħar ikkonkludejna dan kollu.” 

Vella żied jirringrazzja lill-Awtoritajiet, kemm l-amminstrazzjoni tal-Armata kif ukoll l-Gvern ċentrali bl-entitajiet kollha konċernati. “Fl-aħħar nemmnu li se ssir ġustizzja mas-suldati tagħna u se jingħata valur għall-ħidma tagħhom. Bħalma nafu f’dawn l-aħħar xhur forsi n-nies ġew aktar konxji tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema u kemm huwa perikoluż. Għaldaqstant nemmen li minkejja li qegħdin f’sitwazzjoni ekonomika mhux daqstant mill-aqwa, il-Gvern, flimkien mal-GWU u l-amministrazzjoni tal-Armata, ħa ħsieb illi nagħtu dak li jixraq lil dawn is-suldati,” qal Vella.

Huwa temm jgħid, “Issa qed inħarsu ‘l quddiem biex bħalma għalaqna l-pakkett finanzjarju għas-suldati, naturalment irridu nikkonkludu wkoll tal-Uffiċjali Korrettivi li jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Bħalma qal il-Ministru Byron Camilleri fil-Parlament, fiż-żmien li ġej se nintensifikaw in-negozjati għal dawn il-ħaddiema u m’għandix dubju li anke hawnhekk il-Gvern se jagħti valur għall-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema li l-kundizzjoni tagħhom wkoll ilhom jaqgħu lura u anke huma jagħmlu xogħol perikoluż. Inħarsu ‘l quddiem biex nikkonkludu fiż-żmien li ġej.”

Sport