Se ssir reviżjoni fil-faxex tal-età għal min jikkwalifika għas-servizz tal-IVF.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti b’referenza għal sentenza tal-Qorti Ewropoea għad-Drittijjiet tal-Bniedem li tikkonċerna koppja Maltija.
Mistoqsi jekk il-kwistjoni tal-faxxa tal-età hix se tiġi emendata, Abela qal li iva u qal li fil-fatt bħala Gvern ma qgħadx jistenna s-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jagħmel dan.
“Ma stennejniex is-sentenza li ngħatat ilbieraħ fil-każ tas-Sinjuri Lia, imma kienet waħda mill-proposti maġġuri fil-manifest elettorali tagħna. Nemmen li dan huwa qasam li wegħdna li se nindirizzawh fl-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura.”
Żied jgħid: “Bħalissa fil-ħin li qed nitkellmu hemm il-proċess leġiżlattiv fis-sens tal-abbozzar tal-emendi leġiżlattivi li qed jiġi ffinalizzat. Se nkunu qed nagħmlu bidliet li huma importanti ħafna biex jindirizzaw is-sofferenzi li għaddew minnhom tant familji, tant ġenituri prospettivi.”