Il-Korp tal-Pulizija informa li ntemm il-proċess relatat max-xiri ta’ uniformi ġdida għall-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.
Huma spjegaw li fix-xhur illi ġejjin se tkun qed tiġi introdotta din l-uniformi l-ġdida li se twassal għal aktar uniformità fid-dehra bejn is-sezzjonijiet varji tal-Korp.
Il-Korp fisser li din l-uniformi hija waħda moderna li tinkorpora elementi importanti fix-xogħol tal-pulizija bħal funzjonalità, sigurtà u hija addattata għall-klima Maltija.
Qalu wkoll li huwa mistenni li din l-uniformi ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-uffiċjali tal-pulizija skont Għan Strateġiku 8 tal-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni tal-Korp tal-Pulizija.
Il-Korp żied jgħid li din l-uniformi ġiet żviluppata wara proċess ta’ riċerka intensiva u fuq kollox proċess li ta widen lill-uffiċjali tal-Korp infushom.