Sunday, December 22, 2024

Se tiġi restawrata l-faċċata tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu

Aqra wkoll

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit ħabbar li fiż-żmien li ġej se tkun qiegħda tiġi restawrata l-faċċata tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu. 

Waqt il-Pontifikal fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, is-Sur Zammit qal li x-xogħol se jkun qiegħed isir permezz tal-Planning Development Fund.

Huwa qal li l-proġett ta’ restawr se jkun ikkumplimentat b’dawl ġdid kif jixraq lil din il-Kolleġġjata. “Min-naħa tal-Kunsill se nkunu qed nagħtu l-appoġġ amministrattiv kollu biex dan il-proġett isir mingħajr dewmien.”

Is-Sindku tal-Belt Valletta spjega li meta se jkun iffirmat il-kuntratt uffiċjali mal-Awtorità tal-Ippjanar, se tinħareġ it-tender minnufih. 

L-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pawl fil-Belt, il-Kanonku David Cilia rringrazzja lill-Kunsill Lokali u lill-Gvern tal-appoġġ tagħhom f’dan it-tempju nazzjonali.

Il-quddiesa pontifikali fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl tmexxiet mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi filwaqt li l-paniġierku ntiseġ mill-Kanonku Anton Galea Scannura. Għal din il-quddiesa kien hemm preżenti wkoll il-President ta’ Malta George Vella.

Ekonomija

Sport