Tuesday, October 29, 2024

Se tinbena roundabout fuq il-mina l-ġdida tal-Imrieħel

Aqra wkoll

Infrastructure Malta (IM) fetħet il-mina ġdida tal-Imrieħel li tgħaqqad Triq l-Imdina mal-bypass tal-Imrieħel, fil-junction maġenb l-uffiċċji tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.

Ser jitkomplew ukoll ix-xogħlijiet sabiex tinbena roundabout ġdida fuq il-mina, kif ukoll se jkun hemm aktar crossings siguri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota u ser jitħawlu aktar siġar.

Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-IM Ivan Falzon. 

“Dan huwa proġett ieħor li se jkompli jtejjeb il-konnettività, itaffi l-problema tat-traffiku f’pajjiżna kif ukoll itejjeb is-sigurtà għal kull min juża t-toroq f’dawn l-inħawi. Bħall-proġett tal-mina ta’ Santa Luċija li ġiet żviluppata biex testendi u tikkumplimenta l-benefiċċji tal-proġett tal-Marsa Junction tul ir-rotta ewlenija lejn in-Nofsinhar ta’ Malta, dan il-proġett ser iżid l-impatt pożittiv tal-proġett tas-Central Link f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel,” qal il-Ministru Farrugia.

Konnessjoni oħra diretta li taqsam minn fuq il-mina fid-direzzjoni opposta, minn Triq l-Imdina (Birkirkara) lejn Ħ’Attard, se tinfetaħ fil-ġimgħat li ġejjin. L-aġenzija qed tippjana biex tlesti l-proġett tal-Imrieħel Underpass sa tmiem is-sena.

Wara li fi Frar tlesta t-tħaffir tal-mina, matul ix-xhur li għaddew il-kuntratturi tal-aġenzija poġġew f’posthom 290 pannella tal-konkos precast li ffurmaw il-ħitan, u 16-il travu tal-konkos, kull wieħed jiżen sitt tunellati, biex isostnu s-saqaf tal-mina. 

Il-mina tal-Imrieħel, twila 60 metru u b’żewġ karreġġati, se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida li se tieħu post is-sistema l-antika, dik tat-traffic lights, fil-junction ta’ bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Minn din il-mina, it-traffiku lejn il-Lvant, minn Triq L-Imdina, Ħal Balzan lejn il-bypass tal-Imrieħel (Royal Malta Artillery Avenue), se jkunu separati mit-traffiku l-ieħor li normalment jinġabar f’din il-junction.

Permezz ta’ dan il-proġett se jiġu introdotti crossings ġodda u aktar siguri għal min ikun qed juża r-rota jew jimxi bejn Birkirkara, l-Imrieħel u Ħal Balzan u Triq il-Ħofor, triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. B’hekk, dawn il-crossings se jkomplu jtejbu l-konnessjonijiet tar-rotta ta’ erba’ kilometri għall-mixi u għar-roti li l-aġenzija bniet diġà permezz tas-Central Link Project, bejn Ta’ Qali, Ħ’Attard u Ħal Balzan.

Sport