Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jiddiskuti maż-żgħażagħ diversi suġġetti ta’ importanza nazzjonali, ħabbar li se tinħareġ sejħa pubblika internazzjonali għal turbini tar-riħ u pannelli solari fuq il-baħar.
Fost is-suġġetti li tkellmu dwarhom kien hemm l-enerġija rinnovabbli, l-ambjent, in-nisa fil-politika, l-ippjanar u t-turiżmu fost l-oħrajn.
Meta kien qed jitkellem dwar sorsi alternattivi ta’ enerġija, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li bil-għan li pajjiżna jibqa’ jiddiversifika s-sorsi ta’ enerġija tiegħu għal arja iktar nadifa u biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija nadifa, u kien għalhekk li se tkun qed tinħareġ sejħa pubblika internazzjonali għal turbini tar-riħ u pannelli solari fuq il-baħar.
Dan flimkien mat-tieni interconnector u l-ftehim ta’ koperazzjoni konġunta mal-Libja dwar interconnector bi provvista ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-ġimgħa d-dieħla l-Parlament se jiddiskuti l-Att fejn se nistabbilixxu żoni li jiffurmaw iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi, jiġifieri żoni barra mill-ibħra territorjali fejn pajjiżna jkollu ġurisdizzjoni fuqhom.
Dr Abela spjega li għal dawn iż-żoni mbagħad pajjiżna se joħroġ is-sejħiet pubbliċi għal ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.