L-imblukkar ta’ clubs milli jingħaqdu fis-Super League Ewropew separata se jkun fost il-poteri u s-setgħat li se jkollu r-regolatur indipendenti l-ġdid tal-football Ingliż.
Il-pjan għar-regolatur, rakkomandat minn reviżjoni mmexxija mill-partitarji s-sena li għaddiet, ġie kkonfermat mill-gvern Ingliż.
Il-prevenzjoni tal-clubs Ingliżi li jistgħu jitilqu mill-football domestiku se tkun l-aġenda ewlenija kif ukoll li l-partitarji jingħataw rikonoxximent akbar b’aktar kontribuzzjoni … fejn dan kollu huwa test ġdid għas-sidien u d-diretturi.
Din il-mossa sinifikanti għandha l-għan li tipproteġi l-wirt kulturali tal-football Ingliż.
L-għanijiet ewlenin tar-regolatur il-ġdid propost se jkunu:
– Twaqqaf lill-clubs Ingliżi milli jingħaqdu f’”kompetizzjonijiet magħluqa”, li huma ġġudikati li jagħmlu ħsara lill-logħba domestika
– Il-prevenzjoni ta’ ripetizzjoni ta’ nuqqasijiet finanzjarji li dehru f’bosta clubs, notevolment il-kollass ta’ Bury u Macclesfield
– L-introduzzjoni ta’ test aktar strett tas-sidien u tad-diretturi biex jipproteġu lill-clubs u lill-partitarji
– L-għoti tas-setgħa lill-partitarji biex iwaqqfu lis-sidien ibiddlu l-isem, l-arma u l-kuluri tal-kit tradizzjonali tal-club
– Iċ-ċertezza tad-distribuzzjoni tal-flus tkun waħda ġusta biex tiffiltra l-piramida tal-football Ingliż mill-Premier League.
“Il-logħba Ingliża tibqa’ waħda mill-akbar esportazzjonijiet kulturali tar-Renju Unit, bi clubs u kampjonati madwar id-dinja jimmudellaw lilhom infushom fuq is-suċċess tagħha,” qal il-gvern qabel ma tinħareġ il-white paper dwar il-governanza tal-football – dokument ta’ politika li jiddeskrivi l-leġiżlazzjoni proposta.
“Huwa għalhekk li l-gvern illum il-ġurnata qed jieħu l-passi meħtieġa u mmirati biex jiżgura li dan ikompli għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Huwa “imporanti” li regolatur ma jwassalx għal xi “konsegwenzi mhux intenzjonati” li jistgħu jaffettwaw s-suċċess globali tiegħu.