Hekk kif mill-1 ta’ Mejju ddaħlu miżuri fejn se jiġi kkontrollat in-numru ta’ persuni li jistgħu jżuru l-bajja ta’ Blue Lagoon f’Kemmuna, l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) ħadet ħsieb ukoll biex tkabbar iż-żona tal-għawm biex b’hekk ikun hemm aktar sigurtà għal dawk li jżuru l-bajja.
Dan is-sit staqsa lill-MTA dwar x’miżuri se jkunu qegħdin jiddaħħlu u kif se tkun qiegħda taħdem eżatt is-sistema li biha wieħed jista’ jżur din il-bajja li fis-sjuf li għaddew kienu qegħdin imorru fiha madwar 12,000 persuna f’ħin wieħed.
L-MTA f’kumment ma’ dan il-ġurnal qalet li l-miżuri li daħlu fis-seħħ jew li se jiddaħlu dan is-sajf huma varji u joffru sigurtà kbar lil dawk li jkunu fuq il-bajja. “L-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta, flimkien m’għadd ta’ awtoritajiet u entitajiet oħrajn, qed jaħdmu sabiex iwettqu diversi inizjattivi għall-ħarsien u s-sostenibilità taż-żona popolari tal-Blue Lagoon, li huwa wkoll sit ta’ wirt naturali Natura 2000,” tgħidilna l-Awtorità.
Fl-ewwel każi ta’ din il-ħidma hekk kif qiegħed joqrob is-sajf, tim ta’ uffiċjali minn diversi entitajiet li dan it-tim qiegħed jiġi msejjaħ “Team Blue Lagoon” minħabba li se jikkontrolla l-ammont ta’ nies li jżuru l-bajja se jara li titkabbar iż-żona riservata għall-għawm, – mingħajr aċċess għad-dgħajjes u bċejjeċ oħra tal-baħar.
Fost miżuri oħrajn li se jkunu qegħdin jiddaħlu hemm titjib fl-operat tat-tindiff u l-immaniġġjar tal-iskart. Appart dan se jkun hemm żieda fil-latrini u servizzi oħrajn sanitarji biex jintużaw mill-viżitaturi.
Mistoqsija dwar kif se tkun qiegħda taħdem is-sistema tal-ibbukkjar online u jekk jistax ikun hemm abbużi minn din is-sistema, l-MTA tagħmilha ċara li fuq il-bajja ta’ Blue Lagoon se jkun hemm diversi uffiċjali li se jiżguraw li din is-sistema taħdem kif suppost.
“Permezz tas-sistema ġdida ta’ bbukkjar online bla ħlas, bit-tema “Book. Protect. Enjoy.” in-numru jżuru din iż-żona protetta fl-istess ħin se jonqos drastikament. Sas-sajf li għadda, fil-Blue Lagoon kien hemm ħinijiet fl-eqqel tas-sajf fejn f’din iż-żona kienu jinżlu sa 12,000 persuna f’ħin wieħed. Bis-sistema ġdida, dawn issa ser jitnaqqsu għal massimu ta’ 4,000 f’ħin wieħed,” tgħidina l-MTA.
L-Awtorità tgħid li s-sistema tal-ibbukkjar ġdida, li hi bla ħlas, tgħodd biss għall-Blue Lagoon. L-aċċess fil-kumplament ta’ Kemmuna, inkluż bajjiet oħrajn, u s-sit tal-ikkampjar, mhux qed jinbidel – jibqgħu jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-lum.
Mistoqsija diretta dwar li jaslu fil-Blue Lagoon mhux ma’ operatur, iżda b’mezzi oħrajn jew saħansitra jidħlu fil-bajja ta’ Santa Marija u jimxu lejn il-Blue Lagoon l-MTA tgħid li “tasal kif tasal il-Blue Lagoon, tiġix bid-dgħajsa, bil-kayak, bil-mixi minn xi parti oħra tal-gżira, tiġix mill-kamp, mil-lukanda jew xi bini ieħor fuq Kemmuna, trid tibbukkja u tikseb ir-wristband mingħand l-ispetturi li se jkun hemm apposta dejjem. Jekk tidħol fuq l-art b’dgħajsa privata u tinżel f’xi post ieħor tal-Blue Lagoon mhux fit-tliet punti ta’ dħul li jintużaw normalment, tista’ tmur f’wieħed minn dawn it-tliet punti mill-art jew mill-baħar (max-xatt) u l-ispetturi li se jkun hemm apposta jagħtuk ir-wristband meta tippreżenta l-aċċess (QR Code) li tkun ibbukkjajt.”
Waqt l-ewwel ġimgħat fejn daħalet fis-seħħ din is-sistema l-ispetturi li se jkunu qed joperaw din is-sistema ser jagħtu għajnuna lill-pubbliku, skont il-ħtieġa, anke jekk forsi jkun għadhom ma jafux li kellhom jirreġistraw qabel waslu l-Blue Lagoon. B’hekk, jiġi żgurat li l-esperjenza ta’ dawk li jżuru l-Blue Lagoon tkun dejjem aħjar, filwaqt li tiżdied is-sostenibilità tal-operat kollu f’din iż-żona, ħalli tiġi mħarsa u tibqa’ titgawda anke mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Spetturi minn entitajiet differenti se jkunu qed iżidu l-infurzar f’din iż-żona. Se jkun hemm preżenza t’uffiċjali akbar, madwar is-sit kollu. Dawn se jaħdmu biex jgħinu lill-viżitaturi, filwaqt li jiżguraw li tinżamm l-ordni u li jiġu rispettati r-regolamenti ambjentali, fosthom dwar ir-rimi bl-addoċċ u l-irfis f’żoni protetti, speċjalment fix-xagħri tal-madwar lil hinn mill-passaġġi stabbiliti. Se tingħata attenzjoni wkoll dwar il-kundizzjonijiet u r-regolamenti tal-operaturi kummerċjali f’din iż-żona.