Tuesday, August 26, 2025

Se titla’ fuq l-ogħla muntanja fl-Arġentina biex tiġbor fondi għall-AAA

Aqra wkoll

Meta l-maġġoranza minna nassoċċjaw lil Malta max-xtajtiet, klima Mediterranja u ħajja urbana, ftit li xejn wieħed jaħseb fi sport li bl-Ingliż insejħulu mountaineering. Iżda għal Rita Saliba, atleta Maltija li tħobb l-avventura, in-nuqqas ta’ muntanji f’pajjiżna qatt ma kien ostaklu. Bil-passjoni tagħha għar-rock climbing u l-isfidi estremi, illum hi tinsab fuq quddiem nett ta’ vjaġġ uniku: dak li jwassalha lejn il-Seven Summits Challenge, jiġifieri t-tlugħ tal-ogħla muntanja fuq kull kontinent.

F’Diċembru 2025, Rita se tibda l-akbar sfida tagħha s’issa, li tgħaddi fuq il-Mount Aconcagua fl-Arġentina, li jilħaq għoli ta’ 6,962 metru u li hi meqjusa bħala l-ogħla quċċata fl-Amerika t’Isfel. Din l-avventura mhux biss hi pass personali lejn il-ħolma tagħha, iżda wkoll opportunità biex tqajjem kuxjenza u tiġbor fondi għall-Association for Abandoned Animals (AAA) f’Malta, organizzazzjoni li taqbel ħafna mal-valuri tagħha.

Rita bdiet l-esperjenzi tagħha fil-muntanji fl-2022 meta marret l-Awstrija fuq il-Grossglockner fl’għoli ta’ 3,798 metru. Hemmhekk tgħallmet tekniki bażiċi u avvanzati tal-mountaineering: kif tiċċaqlaq, kif timxi f’kundizzjonijiet ta’ borra u silġ u kif tidderieġi ruħek f’ambjenti fejn kull pass jista’ jkun ta’ riskju.

Fl-2023 għamlet pass ieħor meta telgħet fuq il-Mount Kilimanjaro, l-ogħla muntanja tal-Afrika f’għoli ta’ 5,895 metru,. Din kienet l-ewwel darba li esperjenzat verament l-effetti tal-għoli estrem, inkluż l-għeja fiżika u l-isfida psikoloġika li tkompli titla’ minkejja li kull muskolu jgħajjat biex tieqaf.

L-akbar kisba tagħha s’issa waslet fl-Awwissu 2024 fuq il-Mount Elbrus fir-Russja f’għoli ta’ 5,642 metru, l-ogħla punt tal-Ewropa. Mhux biss irnexxielha tasal sal-quċċata, iżda għaddiet ukoll minn esperjenza xokkanti: waqt it-tluq rat b’għajnejha stess xabbatur jaqa’ fatalment ftit metri ’l bogħod minnha. Minkejja dan il-mument ta’ trawma, żammet il-kalma u determinazzjoni, u kompliet sat-tmiem.

Issa Rita tinsab għajnejha fuq Aconcagua. Il-muntanja, li tinsab fin-naħa tal-Andes, hi magħrufa għall-kundizzjonijiet estremi tagħha. Minkejja li mhux meqjusa bħala teknika daqs muntanji oħra, toffri sfidi kbar minħabba l-għoli, ir-riħ qawwi u t-temperaturi li jinżlu taħt l-20°C. 

L-ispedizzjoni se tibda fit-21 ta’ Diċembru 2025, bl-imbuttatura finali lejn is-summit ppjanat għal Jannar 2026. Skont it-temp, il-vjaġġ jista’ jdum bejn 16 u 21 jum, b’ħafna ġranet ta’ stennija sakemm ikun temp tajjeb. Rita se tibda t-triq tagħha minn Plaza de Mulas, wieħed mill-kampijiet ta’ bażi ewlenin, u minn hemm se titla’ pass pass, toqgħod f’kampijiet differenti, u tassigura li ġisimha jidra l-għoli qabel l-assalt finali.

Minħabba li Malta m’għandhiex muntanji, Rita kellha tfittex alternattivi. Bħalissa qed tagħmel taħriġ intensiv fuq il-gżejjer stess permezz ta’ ġirjiet twal u hikes ta’ sigħat b’piż fuq daharha biex timita l-kundizzjonijiet li se ssib. Saħqet li kultant iġġorr basket ta’ 20 kilo għal diversi sigħat bħala parti mit-taħriġ.

Fit-30 ta’ Novembru se tħejji ruħha f’kamp ta’ elevazzjoni fl-Italja, fejn se tqatta’ ġimagħtejn tidra klima kiesħa u ossiġnu aktar baxx, f’għoli ta’ madwar 2000 metru. Din hi parti kruċjali mill-preparazzjoni għax fuq Aconcagua se tilħaq kważi 7000 metru.

Bħala rock climber, Rita tibqa’ wkoll kontinwament taħdem fuq is-saħħa tal-parti ta’ fuq tal-ġisem u fuq il-bilanċ. Din is-sena kisbet livell ta’ 7c sport route, li tagħmilha l-aktar mara b’saħħitha fil-rock climbing f’Malta bħalissa. Dan it-taħriġ mhux biss isaħħaħha fiżikament, iżda wkoll jagħtiha kunfidenza kbira fil-ħila tagħha li taffaċċja l-ħitan tal-blat u l-isfidi ta’ kull muntanja.

Skont Rita, il-preparazzjoni psikoloġika hi kważi aktar importanti minn dik fiżika. “Il-ġisem jista’ jiflaħ ħafna, imma jekk moħħok ma jibqax determinat, tista’ tinsa kollox,” tispjega. Hi diġà esperjenzat diffikultajiet kbar fuq 5,800 metru, u taf li l-aħħar 1000 metru huma l-aktar diffiċli. 

Hija tipprepara ruħha billi toħroġ miż-żona ta’ kumdità tagħha regolarment, tixxabbat fis-silġ, torqod f’kundizzjonijiet ta’ kamp, u tipprattika ġranet fejn tirċievi biss ftit sigħat ta’ mistrieħ. Fuq il-muntanja, ġurnata tipika tista’ tfisser li torqod erba’ sigħat biss u mbagħad tagħmel 12-il siegħa mixi jew climbing f’kundizzjonijiet estremi.

L-ispedizzjoni ta’ Rita ma tistax titqies biss bħala sfida personali. Din id-darba, qed tagħmel il-vjaġġ biex tqajjem kuxjenza u tiġbor fondi għall-Association for Abandoned Animals (AAA). Din l-għaqda tħaddan annimali li m’għandhomx min jieħu ħsiebhom u toffrilhom kenn, kura u opportunità ġdida għall-ħajja.

“Jien stess għandi annimali salvati d-dar, u kont ukoll koordinatriċi fl-AAA. Għalhekk għalija dan hu aktar minn proġett sportiv, hu mod kif nirringrazzja lil dawk li jaħdmu bla waqfien biex jagħtu ħajja aħjar lill-annimali,” tgħid Rita.

Il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi se tinfetaħ f’Novembru 2025, permezz ta’ Revolut u mezzi oħra. L-għan hu li mhux biss jinġabru fondi, iżda li tinbena kuxjenza dwar l-importanza tal-protezzjoni tal-annimali f’Malta.

It-tluq fuq Aconcagua mhuwiex it-tmiem tal-vjaġġ, iżda pass ieħor lejn il-ħolma l-kbira ta’ Rita li tlesti l-Seven Summits Challenge. Diġà għamlet Kilimanjaro u Elbrus, u jekk tirnexxi f’Diċembru, Aconcagua tkun it-tielet muntanja fil-lista. Fost il-miri l-oħra futuri hemm Denali fl-Alaska u, eventwalment, Everest, l-ogħla muntanja tad-dinja. 

Għal Malta, li m’għandhiex tradizzjoni qawwija fil-mountaineering, Rita qed tiftaħ kapitlu ġdid u ta’ ispirazzjoni. Il-vjaġġ tagħha juri li b’determinazzjoni u passjoni, anke minn gżira żgħira tista’ tasal sal-ogħla quċċati tad-dinja.

Finalment, il-vjaġġ ta’ Rita Saliba lejn Aconcagua hu aktar minn avventura personali. Hu taħlita ta’ sfida fiżika, reżiljenza mentali u dedikazzjoni lejn kawża li hi għal qalbha ħafna.

Hekk kif tħejji ruħha biex titlaq lejn l-Arġentina, hi qed toffri wkoll opportunità għal kull wieħed minna biex inkunu parti minn din il-mixja jew billi nappoġġjaw l-isforzi tagħha, jew billi nsibu ispirazzjoni biex naħsbu aktar fuq x’nistgħu nagħmlu għal dawk mingħajr vuċi jiġifieri l-annimali abbandunati. 

Bħala Maltija li qed tilħaq quċċati globali, Rita qed turi li l-limiti huma biss dawk li npoġġu aħna nfusna. U din id-darba, il-passjoni tagħha għall-muntanji qed tgħaqqad ruħha ma’ kawża nobbli li tista’ tibdel il-ħajja ta’ ħafna annimali fil-gżejjer tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport