B’reazzjoni għall-punti mqajma waqt id-diskussjoni, il-Prim Ministru ħabbar li wara l-konsultazzjoni pubblika li saret dwar il-Qorti tal-Familja, se titnieda riforma ħolistika dwar il-liġi tal-familja. Spjega li ma’ din ir-riforma se jsir ukoll investiment f’binja dedikata għall-kawżi marbuta tal-familja.
Tkellem dwar id-diskussjoni dwar l-użu tal-media soċjali hija ntiża bħala serħan il-moħħ għall-ġenituri biex it-tfal igawdu mill-benefiċċji tat-teknoloġija, ikollhom ukoll is-salvagwardji meħtieġa li jħarsu s-saħħa mentali u l-integrità tagħhom.
Dwar il-klima, Dr Abela qal li f’laqgħat li jattendi bħall-COP, huma bosta l-pajjiżi li huma suxxettibbli għall-effetti tal-bidla fil-klima, u b’hekk Malta bdiet tħejji biex tevita diżastri naturali tant li sar investiment fil-forzi dixxiplinati biex inkunu mħejjijin għal dawn ix-xenarji.
Irrefera għall-qagħda ekonomika b’saħħitha tal-pajjiż, li tippermetti jingħataw spazji ħodor u mifutħa għat-tgawdija tal-familji, fosthom Manoel Island, il-White Rocks, Forti Campbell, Fort Tigné u Forti San Salvatur.
Qabel bdiet id-diskussjoni, il-Prim Ministru tkellem dwar ir-riżenja ta’ Roderick Galdes u qal li aċċetta r-riżenja tiegħu minn Ministru, li kif intqal fl-ittra li bagħatlu Galdes se jkun qed jiddefendi ruħu mill-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tiegħu u tal-familja tiegħu. Irrefera għar- riformi li saru f’dan il-qasam fosthom tal-kirjiet ta’ qabel 1995, kif ukoll fuq l-affordabilità tal-housing.
Dr Abela ħabbar li r-responsabilitajiet tad-dekasteru tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli se jiġu fdati f’idejn is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, bil-għan li jibqa’ għaddej b’ritmu b’saħħtu x-xogħol meħtieġ f’dan il-qasam.

