Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbret id-dettalji dwar l-attività ‘Pet Day’, li se tittella’ fi ġnien Hastings fil-Belt Valletta sabiex jiżdied aktar l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali.
L-attività se ssir is-Sibt 11 ta’ April bejn l-10:00 ta’ filgħodu u l-16:00 ta’ waranofsinhar u se tlaqqa’ flimkien familji u l-annimali domestiċi tagħhom f’atmosfera ta’ divertiment u edukazzjoni. Matul il-ġurnata se jkun hemm stalls b’informazzjoni dwar il-kura tal-annimali, kif ukoll inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi għall-annimali abbandunati u logħob għat-tfal.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li din l-attività hija parti minn viżjoni usa’ biex l-annimali jkunu aktar integrati fil-ħajja ta’ kuljum tas-soċjetà Maltija. “B’aktar minn 60% tal-familji Maltin u Għawdxin li għandhom mill-inqas annimal domestiku wieħed, huwa kruċjali li nkomplu nsaħħu l-politika tagħna favur il-benesseri u l-inklużjoni tal-annimali. Permezz ta’ attivitajiet bħal ‘Pet Day’, mhux biss qed noħolqu spazji ta’ divertiment għall-familji, iżda wkoll qed inkomplu nrawmu kultura ta’ ħarsien xieraq tal-annimali,” qalet is-Segretarju Parlamentari.
Hija żiedet li l-Gvern qed ikompli jinvesti f’inizjattivi konkreti f’dan il-qasam. “Flimkien ma’ Project Green ħriġna skema li se talloka sa €50,000 lill-kunsilli lokali li jressqu proposti għal dog parks jew cat cafés, b’allokazzjoni totali ta’ €750,000. Dan juri l-impenn ċar tal-Gvern biex jinħolqu aktar spazji fejn l-annimali u s-sidien tagħhom jistgħu jgawdu ambjent sigur u adattat,” sostniet Bugeja Said.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għal din l-attività flimkien mal-annimali tagħhom. “Inħeġġeġ lill-familji kollha biex jiġu l-Belt Valletta flimkien mal-annimal domestiku tagħhom għal nofsinhar mimli attivitajiet, divertiment u informazzjoni. Din hija opportunità sabiħa biex il-komunità tingħaqad u tgawdi spazju li jippromwovi l-imħabba lejn l-annimali,” qal is-Sindku McKay.
Din l-attività tkompli tibni fuq inizjattivi simili li diġà saru, bil-għan li dawn ikomplu jinfirxu madwar il-lokalitajiet differenti u jkompli jitqajjem aktar għarfien dwar il-ħarsien xieraq tal-annimali.

