Din is-sena f’Malta se jittella’ l-ewwel musical dwar il-ħajja tal-artist Michelangelo Merisi di Caravaggio. Il-moħħ wara dan il-proġett, li se jittella’ bejn l-20 u l-25 ta’ Settembru 2022, huwa t-tmexxija ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC). Dan kien imħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, Pierre Fenech, u maċ-Ċermen Kenneth Spiteri.
Il-Ministru Clayton Bartolo argumenta li l-istorja li ntgħażlet u l-interpretazzjoni tagħha se jikkontribwixxu sabiex iwessgħu l-għarfien tal-Maltin u tat-turisti dwar artist li għandu fama internazzjonali: “Avvenimenti bħal dawn ikomplu jtejbu l-prodott turisiku Malti f’niċeċ bħalma huma l-arti u l-kultura. Nemmen li din il-produzzjoni ser toffri prodott kulturali ta’ kwalità kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti li jiġu jżuruna”.
Il-Ministru Bartolo temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lit-tmexxija ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi tal-ħsieb innovattiv li ħarġu bih.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, Pierre Fenech, spjega li dan il-proġett se jkun qed jibni fuq proġetti oħra li għamlet l-MCC f’dawn l-aħħar snin.
Iċ-Ċermen Kenneth Spiteri attribwixxa l-pandemija tal-Covid-19 bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin li wasslu biex l-MCC timraħ fuq aspetti varji ta’ prodott oriġinali li jirrispetta l-livell kulturali ta’ pajjiżna.