Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, naqsu l-inċidenti tat-traffiku filwaqt li żdiedu l-persuni midruba fihom meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Dan joħroġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li wriet kif bejn Lulju u Settembru 2025, kien hemm sebat imwiet fl-inċidenti tat-traffiku li kienu jinvolvu erbat irġiel u tliet nisa.
L-istatistika turi li l-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku rrapportati fit-tielet kwart tal-2025 laħaq it-3,916, tnaqqis taʼ 10.9% fuq l-istess żmien tal-2024. L-akbar numru t’inċidenti kienu rreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ1,278 każ jew 32.6% tal-inċidenti kollha.
Il-persuni midruba f’inċidenti tat-traffiku żdied bʼ0.8% sabiex telaʼ għal 391 meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2024. Il-persuni midrubin gravi kienu 131 u involvew 79 sewwieq, 15-il passiġġier u 37 persuna miexja/bir-rota/oħrajn.
Il-ġrieħi mġarrbin minn erbaʼ sewwieqa, żewġ passiġġieri u persuna miexja kienu fatali. Bʼhekk, l-għadd taʼ mwiet fl-inċidenti tat-traffiku żdied bi tnejn fuq l-istess perjodu tal-2024.
L-akbar għadd taʼ tidrib mill-inċidenti tat-traffiku (50.9%) kien jinvolvi karozzi tal-passiġġieri. Warajhom, ġew dawk li kienu jinvolvu muturi (39.1%) u vetturi tal-ġarr tal-merkanzija (3.8%).
Il-fatalitajiet li seħħew f’inċidenti tat-traffiku involvew sewwieq li ħabat maʼ vettura oħra, żewġ sewwieqa li ħabtu maʼ proprjetà, sewwieq involut fʼhit-and-run, żewġ passiġġieri involuti fʼħabta bejn vetturi, u persuna miexja li ntlaqtet minn vettura.
L-għadd taʼ ċiklisti involuti f’inċidenti tat-traffiku laħaq l-10, bʼsitta minnhom iġarrbu ġrieħi gravi u l-erbgħa l-oħra jindarbu ħafif. It-tidrib ikkaġunat minn ħbit bejn vetturi kien l-aktar komuni bʼ59.8% tat-tidrib kollu li seħħ fl-inċidenti tat-traffiku.
Bejn Lulju u Settembru 2025, l-akbar għadd t’inċidenti tat-traffiku seħħew fil-jum tat-Tlieta bʼ690 każ jew 17.6% tat-total. Birkirkara rreġistrat l-akbar għadd t’inċidenti tat-traffiku bʼ224 każ.

