Saturday, November 23, 2024

Seba’ intrapriżi jinvestu €5 miljuni f’pannelli, biżżejjed biex jissupplixxu 1,500 dar b’enerġija nadifa

Aqra wkoll

Seba’ intrapriżi mistennija jinvestu bejniethom ’il fuq minn €5 miljun biex jinstallaw madwar 14,000 pannella tax-xemx u jiġġeneraw madwar 7 gigawatt-hour ta’ elettriku fis-sena, biżżejjed biex jissupplixxu 1,500 dar b’enerġija nadifa. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tkellem dwar l-impenn tal-gvern biex jinċentiva s-settur tal-enerġija rinnovabbli, settur kruċjali biex Malta timxi lejn il-mira ta’ carbon neutrality fl-2050 filwaqt li tkompli tnaqqas l-emissjonijiet u l-użu tal-fjuwils.

Il-ministru qal li f’dan il-kuntest, aktar kmieni din is-sena, il-Ministeru għall-Enerġija ħabbar pakkett ta’ inċentivi ġodda li kien jinkludi sejħa għal allokazzjoni ta’ feed-in tariff għal 5 megawatt bi proċess kompetittiv għal sorsi rinovabbli tal-elettriku ta’ daqs bejn 400 kilowatt sa 1 megawatt. Dan il-pakkett kopra firxa sħiħa ta’ investituri f’dan is-settur.

Il-ministru ħabbar ukoll li fl-istess ħin saret riforma fil-metodu biex tingħata din l-għajnuna u dan biex tiżdied il-kompetizzjoni f’dan is-settur u l-gvern jassigura l-aħjar value for money. Dawn l-installazzjonijiet fotovoltajċi mistennija jinbnew fis-sentejn li ġejjin u se jikkontribwixxu lejn il-miri ta’ Malta għas-sena 2030 fejn huwa ttamat li jinqabżu l-266 megawatt f’installazzjonijiet fotovoltajċi.   

Il-ministru qal li ġiet estiża l-għajnuna għal sorsi oħra ta’ enerġija rinnovabbli. Dan minbarra għajnuna għal dawk il-familji li jixtiequ jinstallaw solar water heater jew iżidu batterija biex jaħżnu l-enerġija ġġenerata mix-xemx. 

“Fl-istess waqt għaddejja l-evalwazzjoni biex jiġu allokati 15-il megawatt oħra għal sistemi fotovoltajċi ta’ daqs akbar minn 1 megawatt u qed isir ix-xogħol preparatorju biex is-sena d-dieħla jkollna pakkett ġdid ta’ inċentivi attraenti għal dan is-settur li minkejja d-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija, xorta baqa’ b’saħħtu, anke bis-saħħa tas-sostenn mogħti permezz ta’ dawn l-inċentivi”, temm jgħid il-ministru.

Sport