Seba’ persuni kellhom jiġu evakwati minħabba nirien li żviluppaw għall-ħabta tal-4:00 a.m f’garaxxijiet fi Triq Ġuże Howard f’Tas-Sliema.

Għadd ta’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellhom jintervjenu fuq il-post wara li żewġ vetturi nħakmu min-nirien.

Filwaqt li huma rnexxielhom jikkontrollaw in-nirien biex ma jinfirixx ’il barra mill-basement tal-appartamenti, seba’ persuni kellhom jiġu evakwati minħabba dħaħen li nfirxu fil-komun.

Fil-post kien hemm ukoll tim mediku, uffiċjali tal-pulizija u anke oħrajn mill-Enemalta.
B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Nadine Lia filwaqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.