Mill-inqas seba’ persuni mietu meta ajruplan tal-merkanzija tal-UPS iġġarraf fl-ajruport f’Louisville, Kentucky l-Istati Uniti nhar it-Tlieta filgħaxija. It-tliet membri tal-ekwipaġġ tal-ajruplan x’aktarx kienu fost il-mejtin wara li l-ajruplan tal-merkanzija sploda hekk kif telaq mill-Ajruport Internazzjonali Muhammad Ali ta’ Louisville għall-ħabta tal-5.15 ta’ filgħaxija ħin lokali.
Mill-inqas 11-il persuna oħra ndarbu bit-tiġrif tal-ajruplan li kkaġuna dħaħen suwed u ħoxnin fis-sema. Xi nies fost il-midruba sofrew ġrieħi “serji ħafna” fl-inċident u l-għadd ta’ mejtin jista’ jiżdied.
Żewġ ħaddiema fin-negozju tal-karozzi li ntlaqtu kienu għadhom ma nstabux sa nhar it-Tlieta filgħaxija, u mhux magħruf kemm kien hemm nies fil-post meta seħħ il-kraxx u sussegwentament l-isplużżjoni.
Investigazzjoni preliminari tinsab għaddejja iżda l-uffiċjali qalu li għadu kmieni wisq biex jingħad b’ċertezza x’ikkawża l-kraxx tal-ajruplan.
L-uffiċjali nnutaw, madankollu, li n-nar kbir kien dovut għall-ammont ta’ fjuwil abbord l-ajruplan, li kien qed jibda vjaġġ ta’ madwar 4,300 mil lejn Hawaii. L-ajruplan dak il-ħin kien qed iġorr 144,000 litru ta’ fjuwil meta ġġarraf.
Madankollu ma ġiex ikkonfermat x’merkanzija kien hemm abbord, għalkemm l-uffiċjali qalu li l-ajruplan ma kienx qed iġorr xejn li seta’ joħloq riskju ta’ kontaminazzjoni.
L-isplużjoni belgħet mill-inqas żewġ negozji fil-qrib, inkluża kumpanija tar-riċiklaġġ tal-pitrolju. Inizjalment inħarġet ordni ta’ kenn għal madwar ħames mili mill-ajruport minħabba tħassib dwar aktar splużjonijiet u tniġġis tal-arja, iżda aktar tard tnaqqset għal mil wieħed biss.
L-ajruplan involut kien bi tliet magni MD-11F, u ddaħal fis-servizz għall-ewwel darba 34 sena ilu mal-kumpanija tal-ajru Thai Airways bħala ajruplan tal-passiġġieri. Kien ġie trasferit lil UPS fl-2006. Oriġinarjament kien mibni minn McDonnell Douglas, li ngħaqdet mal-Boeing fl-1997.
Fi stqarrija, Boeing qalet li t-tħassib tagħha huwa għas-sigurtà u l-benesseri ta’ dawk kollha affettwati u żiedet tgħid li se toffri kull għajnuna teknika lill-Bord Nazzjonali tas-Sigurtà fit-Trasport li jinvestiga kull inċident tal-avjazzjoni ċivili fl-Istati Uniti.

